Filmat: Grech iwiegħed li jgħaqqad u jimmodernizza l-Partit fil-manifest elettorali

Il-Wegħda Tiegħi

Fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa. Dan jien nemmnu bis-sħiħ, u b’dan l-għan f’moħħi ser inkun qed immexxi lill-Partit Nazzjonalista jekk ningħata l-fiduċja tagħkom.Għalhekk ejja flimkien nimxu din il-mixja biex nerġgħu nirbħu l-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi. Biex jirbaħ il-Partit Nazzjonalista. Biex tirbaħ Malta 🇲🇹📖 bernardgrech.mt/ilweghdatieghi

Posted by Bernard Grech on Tuesday, September 15, 2020

Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħareġ il-manifest elettorali tiegħu bl-isem “Il-Wegħda Tiegħi” wara li lbieraħ ġie approvat uffiċjalment bħala kandidat f’din l-elezzjoni li se ssir fit-3 ta’ Ottubru li ġej.

Il-manifest jelenka 10 punti ewlenin li se jaħdem fuqhom Grech, li huma:

  • Partit magħqud
  • Partit bi spazju għal kulħadd
  • Li jkun Kap li tista’ tafdah
  • Partit kredibbli
  • Partit b’ideali u ħsibijiet differenti
  • Li l-organi tal-Partit kollha jiffunzjonaw għall-iskopijiet tagħhom
  • Partit żagħżugħ u mħarreġ
  • Partit modern b’sorsi ġodda ta’ finanzjament
  • Li jinżammu l-mezzi tax-xandir kurrenti tal-PN imma jsir investiment fil-mezzi online
  • Partit bi kwalitajiet rebbieħa

Intant, s’issa għadu mhux magħruf meta se jitlaqqa’ l-Kunsill Amministrattiv biex jiddiskuti r-rapport tad-Due Diligence dwar iż-żewġ kontestanti għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. 

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-President tal-Kunsill Amministrattiv Carm Mifsud Bonnici billi dan l-organu tal-PN irċieva r-rapport sħiħ. Sal-bieraħ filgħaxija Mifsud Bonnici kien għadu ma weġibx għall-mistoqsijiet.

Il-Kap tal-PN u l-kontestant l-ieħor, ilbieraħ filgħaxija, ippubblika ittra li bagħat liċ-Chairperson tal-Kummissjoni Kandidati tal-PN li fiha qal li kien qed jistenna li l-Kunsill Amministrattiv jiltaqa’ sabiex jiddiskuti r-rapport u jivvota fuq mozzjoni tiegħu biex ir-rapport jiġi ppubblikat. Stqarr li jekk dan ma jsirx sal-bieraħ filgħaxija, hu se jeżerċita dritt li jagħtih l-istatut li jlaqqa’ lill-Kunsill u jippreżenta din il-mozzjoni biex ir-rapport jiġi ppubblikat fl-intier tiegħu.

Aqra l-manifest elettorali sħiħ hawn.