Filmat: Grech b’apoloġija fuq il-ħlas tat-taxxa imma “jifhem għaliex qed jiġri hekk”

MESSAĠĠ MINN BERNARD GRECH

Dejjem emmint li fil-politika hemm riga ogħla. Dan hu dak li rrid inwettaq jien.

Posted by Bernard Grech on Monday, September 7, 2020

Read in English.

Bernard Grech, li huwa wieħed mill-kandidati fit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, skuża ruħu talli ħalla l-kwistjoni tiegħu tat-taxxa teskala daqshekk, imma qajjem mistoqsijiet fuq iż-żmien meta ħarġet l-informazzjoni fuq il-ħlas tat-taxxa tiegħu fil-midja.

Nhar il-Ħadd li għadda, il-MaltaToday u t-Times of Malta t-tnejn irrappurtaw li Grech irid iħallas it-taxxa u l-VAT ta’ snin li qatta’ ma jħallashomx. L-avukat tal-familja eventwalment għamel il-ħlasijiet dan is-sajf.

Iżda f’filmat qasir li tella’ fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, Grech innota li din l-informazzjoni ħarġet fl-istess jum li fih il-MaltaToday ippubblika l-aħħar edizzjoni tiegħu tal-barometru tal-fiduċja, li juri lil min jafdaw l-aktar in-nies, jekk hux lilu jew lill-Kap kurrenti tal-PN Adrian Delia, li qed jikkompeti għat-tmexxija tal-partit, jew lill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela. Ir-riżultati juru li d-distakk bejn Grech u Abela huwa inqas minn nofs mid-distakk bejn Delia u Abela.

“Issa dan nifhmu għaliex qed jiġri, nifhmu għalfejn dan kollu ħareġ fid-dieher, għaliex il-partit fil-Gvern qed jinkwieta bis-serjetà bis-surveys pożittivi u li jimlewna b’kuraġġ u li propju ħarġu lbieraħ.” Huwa ssokta jgħid li l-PL u l-Gvern “ma jiħdux pjaċir li jaraw lili nersaq lejn il-politika, ma jiħdux pjaċir jaraw lilkom timtlew bil-kuraġġ u bit-tama, li l-PN fl-aħħar jista’ jerġa’ jissaħħaħ, jista’ jerġa’ jsir oppożizzjoni b’saħħitha u jista’ wkoll ikun gvern alternattiv.”

Grech sostna li din il-kwistjoni mhix se twaqqfu, imma se ssaħħu.

“M’għandi l-ebda ċenteżmu pendenti”

Fil-messaġġ tiegħu Grech qal li anke hu huwa mħasseb fuq il-kwistjoni finanzjarja tiegħu, u ammetta li seta’ qagħad aktar attent biex jara li xi ħaġa bħal din ma sseħħx. Wiegħed li bħala politiku, huwa jara li jaġixxi aħjar minn hekk.

Grech stqarr li issa m’għandu l-ebda ċenteżmu pendenti mad-Dipartiment tat-Taxxa u tal-VAT.

Skont dokumenti ppubblikati mill-MaltaToday, Grech kellu jagħti madwar €33,684 f’taxxa, ħlasijiet li jmorru lura għas-snin 1999-2011. Kellu jagħti wkoll eluf f’VAT għas-snin 2014-2019.

It-Times of Malta kkwotat sorsi tagħha li jgħidu li Grech għolla d-dħul iddikjarat tiegħu fl-2016, fl-2017 u fl-2019.

Analiżi tal-istatistika fuq il-paġni taż-żewġ kandidati
Min kiseb l-aktar likes, Delia jew Grech?