Filmat: “Grazzi ta’ kollox” – strixxuni mir-residenti ta’ Dar Osanna Pia

Ir-residenti ta’ Dar Osanna Pia flimkien mal-amministrazzjoni tad-dar ħolqu żewġ strixxuni tad-drapp biex jirringrazzjaw lill-professjonisti kollha li jinsabu għaddejjin bil-ħidma tagħhom sabiex jgħinu fil-pandemija tal-coronavirus f’Malta. Iżda mhux biss, huma qed jirringrazzjaw lil dawk kollha li matul iż-żmien l-aktar kruċjali għalihom tawhom is-sapport biex jibnu ħajjithom.

Dawn l-istrixxuni twaħħlu mal-faċċata tad-dar fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem bħala ringrazzjament għal dawn il-ħaddiema kollha. Preżenti għat-twaħħil ta’ dawn l-istrixxuni kien hemm rappreżentanti mill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali kif ukoll rappreżentanta mill-Korp tal-Pulizija. Newsbook.com.mt tkellem ma’ Fr Savio Vella, Patri Salesjan li huwa inkarigat mit-tmexxija ta’ din id-dar. Huwa spjega li bħala dar isibu ħafna għajnuna kemm mill-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali kif ukoll mill-Pulizija. Għalhekk xtaqu li jirringrazzjawhom personalment f’din l-okkażjoni. Patri Savio spjega li xtaqu wkoll li jkun rappreżentant mill-Ministeru tas-Saħħa imma kif wieħed jista’ jimmaġina dawn jinsabu impenjati ħafna f’dawn iż-żminijiet.

L-idea ta’ dawn l-istrixxuni nibtet mir-residenti ta’ din id-dar stess. Permezz tal-midja huma jinsabu aġġornati dwar dak li qed jiġri f’Malta kif ukoll madwar id-dinja. Għalhekk flimkien iddeċidew li huma wkoll juru l-apprezzament tagħhom għal dawn il-ħaddiema.  

Lil min tilqa’ din id-dar?

Dar Osanna Pia hija dar immexxija mill-Patrijiet Salesjani ta’ Dun Bosco u fiha jilqgħu ġuvintur li jsibu ruħhom f’diffikultà f’età żgħira. Ħafna minn dawn iż-żgħażagħ ikunu tilfu s-sapport tal-familja u ma jkun baqgħalhom lil ħadd biex jgħinhom jibnu ħajjithom. L-etajiet ta’ dawn iż-żgħażagħ ivarjaw minn  18 sa 25 sena.

L-għan ta’ din id-dar huwa li kull persuna li tidħol hemmhekk issib komunità li lesta tgħinhom biex iqumu fuq saqajhom u jitgħallmu jgħixu b’mod indipendenti  filwaqt li jindirizzaw t-trawmiet li jkunu għaddew minnhom matul ħajjithom b’mod professjonali. Flimkien ma’ Fr Savio din id-dar hija mmexxija minn grupp ta’ persuni professjonali fosthom ħaddiema soċjali u carers.

Bħalissa f’din id-dar qed jgħixu 14-il resident. Fost dawn ir-residenti hemm persuni li ġejjin minn pajjiżi Afrikani li fi kliem Fr Savio integraw tajjeb mar-residenti l-oħrajn kif ukoll fis-soċjetà Maltija. Huwa spjega li biex persuna tkun aċċettata f’din id-dar trid tkun għamlet għażla jekk tixtieqx tistudja jew tibda taħdem. Żied li bħala Salesjani jemmnu li kull żagħżugħ għandu jikber intelletwalment sabiex ikun jista’ jieħu r-responsabbilita tad-deċiżjonijiet li jieħu għal ħajtu. Huma jagħtu sapport sħiħ lil dawk li jiddeċiedu li jmorru jaħdmu sabiex jirnexxew fl-għażliet li jagħmlu f’ħajjithom.

F’dan iż-żmien din id-dar qed timxi mal-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa għalhekk dawn iż-żgħażagħ qed iqattgħu ħafna mil-ħin flimkien f’din id-dar. Fr Vella spjega li huwa importanti li jkollhom struttura li tiggarantixxi li kull żagħżugħ għandu programm ta’ studju u ħidma li jeħtieġ li jitwettaq kuljum. Dan jinkludi studju kif ukoll jieħdu ħsieb it-tindif tad-dar. Barra minn hekk f’dan iż-żmien ir-resienti qed jiskopru diversi talenti u kwalitajiet li kienu moħbija u qed jużawhom sabiex ikomplu jibnu ħajithom bl-aktar mod sod.

“Dawn il-persuni integraw tajjeb fis-soċjetà Maltija

Meta mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk jaħsibx li għad fadal aktar xi jsir biex dawn il-persuni jkunu aktar integrati fis-soċjetà, Fr Savio qalilna li dawn iż-żgħażagħ huma konxji ta’ dak li qed jiġri fid-dinja u huma jinsabu grati immens għall-għajnuna li qed jirċievu sabiex ikunu jistgħu jintegraw aktar fis-soċjetà. Żied li ħafna minn dawn iż-żgħażagħ huma studenti tal-MCAST u għadd minnhom jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet soċjali, sportivi u kulturali u għandhom relazzjoni tajba ma’ sħabhom, jirrispettawhom u jittrattawhom b’ħafna mħabba u rispett.

Fr Savio, spjega li, ”dawk ir-residenti li ġejjin mill-kontinent Afrikan huma konxji ta’ dak li qed jiġri fis-soċjetà Maltija u filwaqt li japprezzaw dak li qed isir magħhom u għalihom, jinkwetaw ħafna meta jisimgħu bl-isfortuna ta’ immigranti li tilfu ħajjithom.” Żied li dawn iż-żgħażagħ jifhmu li setgħu faċilment kienu huma li tilfu ħajjithom. Hemm residenti oħrajn li jafu bi sħabhom li ma rnexxilhomx isalvaw. Dan iwassal għal swied ta’ qalb fost dawn ir-residenti għax filwaqt li jinsabu grati għal dak kollu li rċevew mill-poplu Malti jinsabu mifnijin għal dawk il-ħajjiet li ntilfu fil-baħar.

Fr Savio rringrazzja lil dawk kollha li joffru s-sapport tagħhom lis-Salesjani ta’ Dun Bosco. Żied li mingħajr din l-għajnuna żgur ma jkunux f’pożizzjoni li jgħinu lil dawk kollha li jaħdmu magħhom. Tenna li bħala poplu Nisrani wieħed ma jistax jaħrab  mid-dover tiegħu li jagħti l-għajnuna lil dawk li huma tant prezzjuzi u tant vulnerabbli. L-imħabba u l-karità m’għandhomx limitu u ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. Temm li Kristu sar bniedem għal kulħadd, bata u miet biex isalva lill-bnedmin kollha: “kulma għamiltu mal-izgħar fost dawn, għamiltuh miegħi” (MT 25,40)

Filmat: Arnold Mugliett