Filmat: “Grazzi ħafna Malta” – Tfal fl-Etjopja

“Grazzi ħafna Malta”. Din kienet l-għajta ferriħija ta’ ċorma tfal tal-missjoni fid-Djoċesi ta’ Awassa fl-Etjopja.
Newsbook.com.mt tkellem mal-Vigarju Ġenerali ta’ din id-Djoċesi, Fr Yisehak Yacob, li qal li Ġesù jfakkar lilu u lill-komunità kollha biex ikunu ħbieb u qrib dawk li jinsabu waħedhom. Żied jgħid li Ġesù jistedinhom biex jitimgħu lil min hu bil-ġuħ u biex ikunu hemm għal dawk li jinsabu fil-bżonn.
Il-Vigarju saħaq li huma jafdaw dejjem fl-għajnuna minn ħafna benefatturi, li qed jgħinuhom biex jibnu l-Knisja fl-Etjopja li hija żagħżugħa u qiegħda dejjem tikber.
L-isptar kattoliku ta’ Bushulo fl-Etjopja, huwa mmexxi mis-sorijiet, u jilqa’ fih 24,000 pazjent kull sena, irrispettivament mir-reliġjon li jħaddnu. Minkejja li jsalva eluf ta’ ħajjiet, xorta jibqgħu jaffaċċjaw l-isfida kontinwa tal-ġuħ u nutriment.  Dan iwassal biex ħafna nies li jbatu l-ġuħ u jimirdu, ma jkollhomx biex iħallsu għall-għajnuna li jkollhom bżonn.
Missio Malta, bit-tema “Għinni Nemmen, Għinni Ngħix” issostni l-programm ta’ nutrizzjoni f’dan l-isptar u għaldaqstant il-poplu Malti u Għawdxi huwa mħeġġeġ jibqa’ jgħin bil-mod li jista’.
Filmat: Bernard Vella