Filmat: “Grazzi għall-ġlied fil-Libja se ngawdi lin-neputijiet wara sitt snin”

Rita u John flimkien ma' uliedhom, ilbieraħ filgħaxija kienu anzjużi jistennew b'ħerqa kbira fis-sala tal-wasliet fl-ajruport, li binthom Karen flimkien mal-familja tagħha, tasal mil-Libja qawwija u sħiħa.
Newsbook.com.mt tkellem ma' din il-familja mill-Fgura, b'Rita, omm Karen, tgħid li "grazzi għall-ġlied fil-Libja se jirnexxieli ngawdi lin-neputijiet li ilni ma narahom sitt snin."
Karen, li hi miżżewġa Libjan u għandhom tlett itfal, tgħix f'Bengażi, u tiġi Malta kull sitt xhur.  Madanakollu, meta żżur Malta, uliedha, żewġt ibniet ta' 14 u 15-il sena u tifel ta' 12-il sena, joqogħdu ma' nannithom fil-Libja.
Rita spjegat kif minkejja li jitkellmu ta' spiss fuq l-internet, l-aħħar li rat lil Karen kien f'Diċembru li għadda, meta kienet qed tingħata l-kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei, minħabba problema fil-kliewi. Qalet li minkejja li għandha l-krozzi u bil-waqfien bdew jintefħulha saqajha, ma riditx tpoġġi u qattgħet sitt sigħat tistenna bilwieqfa b'ansjetà kbira,"biex x'ħin tasal it-tifla tarani mill-ewwel."
Il-ferħ ta' Rita jiġi fi tmiemu hekk kif Karen terġa' tmur lura l-Libja. Ma' Newsbook.com.mt, Karen qalet li kif titranġa s-sitwazzjoni tixtieq li terġa' tmur Bengażi għax drat hemmhekk.
Ilbieraħ waslu Malta mill-ajruporti ta' Mitiga u Labraq fil-Libja, 55 Malti u Maltija, fuq żewġ titjiriet tal-Medavia organizzati u mħallsin mill-Gvern Malti. 
Filmat: Reel8 Productions Ltd.