Filmat: Se jinbena mill-ġdid grawnd Bormliż abbandunat, ftit snin wara li tlesta

Read in English.

#Malta #ambient #maltatourism #kunsil #Minister tal Ambjent #Verdala

Posted by George Ebejer on Sunday, August 23, 2020

Grawnd ġdid mistenni jinbena fiż-żona Fuq Verdala ta’ Bormla sal-aħħar tas-sena 2021 – skont l-aħħar stimi tal-gvern. Però din l-ispiża setgħet ġiet evitata kieku l-grawnd l-antik – li bilkemm ilu għaxar snin – inżamm fi stat tajjeb.

Il-grawnd iġib l-isem ta’ Ġnien Delceppo, u jinsab maġenb il-barracks ta’ Fort Verdala, li jservu bħala housing soċjali.

Fl-2003, is-sindku ta’ Bormla Joseph Scerri ppreżenta applikazzjoni biex tiġi rriabilitata ż-żona, u l-permess ingħata sentejn wara. Il-proġett tlesta sal-2008, u l-Verdala Playing Fields ġew imsemmija għal Peppi Delceppo, ikona tas-St George’s FC li kien miet fl-2006.

Il-kumpless il-ġdid kien jikkonsisti f’żewġ pictches tal-5-a-side u uffiċini li ġew mibdula fi snack bar, bl-amministrazzjoni tas-sit fdata lill-privat.

Però ix-xogħol ta’ manteniment li s-sit kellu bżonn ma kienx qed isir, u fl-2016, kif kien irraporta Newsbook.com.mt, Ġnien Delceppo kien diġà sar miżbla, biż-żibel u s-siringi jieħdu post il-ballun.

F’video reċenti mir-residenti Bormliż George Ebejer, jidher li s-sitwazzjoni marret mill-ħażin għall-agħar f’dawn l-aħħar erbgħa snin. It-turf artifiċjali insteraq u l-ammont ta’ żibel żdied, partikolarment ġo l-isnack bar – fejn Ebejer m’azzardax jidħol.

“Għaddew erba’ snin, u dawn iż-żewġ grawnds mhux talli abbandunati talli ġew diżastrużi,” jispjega Ebejer.

Fil-video tiegħu, Ebejer jipproponi li l-aċċess għas-sit għandu jingħalaq sakemm is-sit jitranġa.

Grawnd ġdid mistenni fl-2021

Filfatt, il-kunsill ippreżenta applikazzjoni għall-iżvilupp fl-2018, fejn jipproponi t-tisbiħ ta’ Ġnien Delceppo billi jkun hemm “grawnd ġdid multi-purpose, tagħmir tal-logħob, ristwr, tibdil taċ-ċnut eżiżtenti, it-tqegħid ta’ mwejjed u siġġijiet u xogħol ta’ manteniment fis-snack bar.”

Il-permess ingħata f’Jannar tal-2019, u tlett xhur wara, is-sit ġie mgħoddi lill-kunsill mill-gvern. F’risposta għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat tad-distrett Carm Mifsud Bonnici, il-Ministru José Herrera confirmed that the aim is to complete the project by the end of 2021.

F’dan il-kuntest, Newsbook.com.mt bagħat numru ta’ mistoqsijiet lis-sindku preżenti, Alison Zerafa Civelli, fuq il-proġett, imma ma kien hemm l-ebda risposta.

Però l-aktar mistoqsija importanti għandha tkun kemmxejn ovvja: se jinżamm fi stat tajjeb din id-darba?