Filmat: Graffiti mal-ħitan tal-konsulat Malti f’Barċellona

Il-ħitan tal-konsulat Malti f’Barċellona fi Spanja spiċċa vittma ta’ graffiti li qed titlob lill-Malta sabiex tiftaħ il-portijiet tagħha għall-immigranti.

Il-filmat ittella’ fuq Youtube ilbieraħ u qed juri numru ta’ graffiti b’żebgħa ħamra. Minkejja dan mhux ikkonfermat jekk dan il-filmat itteħidx issa jew hux aktar antik.

Aqra: Spanja lesta tieħu xi immigranti minn fuq Open Arms

Malta għandha Ambaxxata fi Spanja li tinsab f’Madrid. Madanakollu Malta għandha wkoll numru ta’ konsulati f’ibliet Spanjoli oħrajn.

Aqra: L-Open Arms jasal fl-ibħra territorjali Taljani; Tintalab evakwazzjoni medika

Għexieren ta’ immigranti fuq bastimenti ta’ NGOs f’nofs ta’ baħar

Bħalissa hemm żewġ bastimenti li jinsabu mimlijin immigranti salvati minn numru ta’ ħidmiet ta’ tiftix u salvataġġ differenti. Fuq il-bastiment Open Arms li jinsab fl-ibħra territorjali Taljani jitlob għal port ta’ sigurtà hemm aktar minn 150 immigrant. Intant, il-bastiment Ocean Viking tal-għaqdiet SOS Mediterannee u Doctors Without Borders (MCF) bħalissa wkoll jinsab f’nofs ta’ baħar mgħobbi bi 356 persuna.

Aqra: Agħtu port ta’ sigurtà lill-507 immigrant bejn sema u ilma – UNHCR

Intant, fl-aħħar jiem, l-Aġenzija għar-Refuġjati fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda kienet appellat lill-Istati Membri Ewropej sabiex jagħtu permess għall-iżbark ta’ 507 persuni li ġew salvati fiċ-Ċentru tal-Mediterran fl-aħħar jiem. L-Aġenzija kompliet tgħid kif sa issa, fl-2019, mietu mas-600 persuna fiċ-Ċentru tal-Mediterran. Qalet li għalhekk hemm bżonn ħidma akbar ta’ tiftix u salvataġġ fiż-żona u hemm bżonn aktar sapport għall-NGOs li qed jagħmlu dan ix-xogħol.

Aqra: Qorti Taljana tissospendi d-digriet ta’ Salvini; Open Arms jitħalla jidħol fl-ibħra