Filmat: Ġorġ tal-Mużew jgħanni lil San Vinċenz

Ġorġ tal-Mużew l-għannej tal-Mulej, illum il-ġurnata huwa resident f’San Vinċenz.

Proprju llum Ġorġ tal-Mużew għamel taqbila lil San Vincenz de Paul, il-patrun ta’ San Vincenz fil-festa li bdew jiċċelebraw minn din is-sena.

Kien is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis li tella’ dan il-filmat fuq il-paġna Facebook tiegħu fejn ukoll ikkummenta, “Kburi li Ġorg huwa resident anzjan f’San Vincenz għax iberikna bl-għana tiegħu.”

Waqt il-ftuħ tal-open weekend f’San Vinċenz de Paul, is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis ħabbar li ta’ kull sena San Vinċenz se jkollu festa fit-28 ta’ Settembru, festa li tixraq għall-anzjani residenti, għall-qraba, u għall-viżitaturi kollha.  Hu spjega li l-festa ta’ San Vinċenz hija inizjattiva mibnija fuq il-politika tal-anzjanità attiva li tħares lejn il-bniedem b’mod komplut, illi mhux biss ikun aċċertat il-livell tal-ikel li jisserva u l-aspett ambjentali, imma li l-kwalità tal-ħajja ta’ kull individwu tittejjeb biex nieħdu ħsieb l-aspett kulturali u spiritwali.

Qal li dan il-villaġġ ġerantologu li qed nibnu flimkien issa se jkollu l-festa tiegħu ta’ San Vinċenz u din l-istatwa sabiħa se tkun qed tissimbolizza x-xbiha ta’ San Vinċenz, qaddis li kien saċerdot sinjur Franċiż li telaq kollox bie jgħin lill-fqar, ibbażat fuq l-imħabba mingħajr diskriminazzjoni u lejn kull persuna umana.

Id-Deputat Direttur ta’ San Vincenz Karen Muscat qalet li l-open weekend huwa festa mimlija attivitajiet għall-familja kollha, biex it-tfal, adulti, u anzjani jifirħu flimkien u jgawdu lil xulxin kif xieraq.  Qalet li l-festa ta’ kull sena tixbah lil kull festa f’belt jew raħal bit-tiżjin mill-kumitat tal-festi f’San Vinċenz de Paul, bl-ikel kif servut fil-festi, baned, u attivitajiet li jpaxxu lil kull min jattendi.

L-istatwa l-ġdida ta’ San Vinċenz de Paul ġiet maħduma mill-artist Malti Shawn Saliba.