Filmat: Gomes tgħid “Shame on you” lill-PM

Il-Membru Parlamentari Ewropew Portugiża Ana Gomes ipprotestat kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt id-diskors tiegħu fil-Kungress tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej li qed isir f’Lisbona.

Il-midja Portugiża qed tirrapporta li hekk kif Muscat beda d-diskors tiegħu, Gomes qamet u għajtet “Shame on you”. Imbagħad, Gomes għajtet ukoll isem il-ġurnalista assassinata “Daphne Caruana Galizia”.

L-istess rapporti qalu li l-Prim Ministru kompla bid-diskors tiegħu mingħajr ma waqaf filwaqt li rċieva ċ-ċapċip matul id-diskors.

“Irridu nkunu bħal Spotify u mhux il-Walkman tal-politika” – Muscat

Fid-diskors tiegħu, Muscat qal li kieku l-politika kienet bħall-industrija tal-mużika, ma jistgħux joqgħodu jisperaw li n-nies jerġgħu jużaw il-cassettes u l-Walkman. Qal li l-politiċi jridu jkunu bħal Spotify, li huwa servizz tal-mużika li jaħdem bl-internet.

Muscat qal li l-politiċi tal-Partit tas-Soċjalisti ma jistgħux jaħlu ż-żmien fuq il-pessimiżmu. Żied jgħid li għandhom iħaddnu politika pożittiva. Fi kliem Muscat, il-ħajjiet tan-nies ma jistgħux jistennew lill-politiċi biex jibdew jaħdmu. Qal li huma l-politiċi li għandom ilaħħqu mat-tibdil li jkun qed isir fis-soċjetajiet.

Fl-istess Kungress, is-Soċjalisti Ewropej eleġġew lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea bħala l-kandidat tagħhom għall-Elezzjonijiet Ewropej fi proċess magħruf bħala Spitzenkandidaten.