Filmat: Ġodda fuq Netflix

Ritratt: Netflix

Għall-bidu tas-sena l-ġdida, Netflix nieda bosta produzzjonijiet li qed jitwasslu għall-ewwel darba permezz tal-pjattaforma tagħhom li nissuġġerulkom li taraw:

The Bonfire of Destiny

Sensiela Franċiża li però tistgħu taraw kemm bl-Ingliż u anki bit-Taljan, apparti bil-lingwa oriġinali, dwar kif id-destin ta’ tlett nisa jinbidel wara li jinqabdu f’nirien li jkunu ħakmu ċ-ċinema fi Franza. Ġrajja mimlija intriċċi li żżommok sal-aħħar xeni fi tmiem is-sensiela.  (8 puntati)

Messiah

Sensiela li qed tqajjem diskussjoni kbira hekk kif bdiet tintwera għall-ewwel darba. Raġel li jitfaċċa minn imkien jibda jwettaq il-mirakli u jibda jiġbed eluf ta’ nies għal warajh. Min hu? Il-Messija reġà fostna? Jew huwa l-Antikrist? Jew inkella xi terrorist?

L-F.B.I. u s-C.I.A. jitqabdu bejneithom biex jaqbdu u jisopru min tassew hu dan il-bniedem li jkun qed isostni li ġie fid-dinja biex iwassal messaġġ mingħand missieru. (10 puntati)

The Queen’s Corgi

Film animat mill-isbaħ għall-familja kollha fejn naraw x’jiġri meta l-kelb favorit tar-Reġina jintilef u jkun maħsub mejjet. Filwaqt li kelb ieħor ikun qed jipprova jeħodlu postu f’qalb ir-reġina, il-kelb Rexy jipprova jsib triqtu lura lejn Buckingham Palace.

Dolly Parton: Here I Am

Apparti s-sensiela Heartstrings li tinsab ukoll fuq Netflix u li twassal tmien films kollha bbażati fuq kanzunetti mir-repertorju ta’ Dolly Parton, insibu wkoll dan il-programm speċjali li jwassal il-vjaġġ mużikali fil-karriera ta’ din il-kantanta ċelebri.

Thieves of the Wood

Serje li teħodna lura fis-Seklu 18 fejn naraw kif wieħed li jkun imxebba’ mis-sitwazzjoni li jkunu qed jgħixu fiha, jqajjem rewwixta kontra l-aristokrazija.

Anne with an E

It-tielet u l-aħħar staġun ta’ din is-sensiela mnebbaħ mir-rumanz klassiku ta’ Anne of Green Gables dwar it-tfajla orfni li tkun qed taddatta ruħha f’belt ġdida u fl-istess waqt tibda tesperjenza ż-żogħżija tagħha. (10 puntati mill-Ġimgħa 3 ta’ Jannar).