Filmat: Ġnien ġdid f’Paceville biex tistrieħ mill-ġenn ta’ kuljum

Infetaħ ġnien ta’ meditazzjoni f’Paceville bl-iskop li jilqa’ fi ħdanu persuni li jixtiequ jaħarbu mill-ġenn ta’ kuljum għal mument biex jirriflettu ftit.

Il-ġnien The Word huwa proġett immexxi minn Fr Hilary Tagliaferro li għażel li jagħmel użu minn spazju mhux utilizzat li kien hemm li fil-Kumpless tal-Millenium Chapel. Ma’ Newsbook.com.mt Fr Tagliaferro spjega li fil-ġnien hemm numru ta’ pjanti u kwotazzjonijiet mill-Bibbja li jgħinu lil dak li jkun jirrifletti. Fr Tagliaferro spjega wkoll li l-bniedem għandu bżonn jieqaf mill-ġenn u mill-istorbju tal-ħajja. Żied jgħid li kull bniedem li qed jitkisser minn xi addizzjoni għandu bżonn ifittex l-ispiritwalità u jirrifletti dwar il-ħajja.

“Permezz tal-ġnien nilħqu lil dawk li ma jiffrekwentawx il-Millenium Chapel. Is-soltu dawk li jemmnu fl-Ewkaristija li jmorru fil-Millenium Chapel. Għad baqa’ ħafna nies bix-xewqa għall-paċi u l-kwiet u li jfittxu lil Alla b’xi mod imma mhux neċessarjament bl-Ewkaristija” qal Fr Tagliaferro.  Spjega li n-nies jistgħu jipprattikaw il-yoga jew il-meditazzjoni fil-ġnien ukoll. Għal min ikollu bżonn l-għajnuna hemm ukoll gruppi ta’ appoġġ. Qal li dawk li s’issa semgħu bil-proġett kienu entużjasti dwar il-kunċett.

Il-ġnien ġie inawgurat mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca li qalet li tispera li jintuża’ minn ħafna nies li jkunu qed ifittxu l-paċi. L-ispazju nħoloq mill-Professur Richard England u kien ispirat mill-ktieb ta’ Peter Calamatta Maltese Plants in the Bible.