Filmat: Ġlieda f’Marsalforn; residenti inkwetati bil-kriminalità

Read in English.

Filmat li wasal għand Newsbook.com.mt juri l-ġlieda li seħħet fil-port ta’ Marsalforn fit-2 ta’ Awwissu. Dwar din il-ġlieda l-Pulizija ressqet żewġ persuni l-qorti fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, u ż-żewġ persuni nħelsu mill-arrest.

Iż-żewġt irġiel għandhom 24 sena residenti l-Għarb u 31 sena mill-Maċedonja.

Din mhux l-ewwel darba li nqalgħu argumenti vjolenti f’Marsalforn li ta’ sikwit qed inisslu inkwiet fost ir-residenti. Sors li għadda filmat tal-ġlieda lil Newsbook.com.mt wera tħassib dwar il-kriminalità fil-lokalità, u semma kemm hi faċli li wieħed iħallas €50 biex xi ħadd jaggredixxi lil ħaddieħor.

Il-filmat juri lil raġel jaqla’ xebgħa minn grupp ta’ erba’ jew ħames irġiel. Skont is-sors, dan l-“attakk brutali” ġie ordnat minn xi ħadd li joqgħod f’Marsalforn stess u allega li l-istess persuna huwa sid ta’ ristorant f’Marsalforn.

“Nuqqas ta’ sigurtà u serħan il-moħħ f’Marsalforn” – Kunsillier taż-Żebbuġ

Il-Kunsillier taż-Żebbuġ Daniel Cordina qal li bħalissa hemm nuqqas ta’ sigurtà u serħan il-moħħ f’Marsalforn. Fuq Facebook huwa qal li fuq talba tar-residenti, il-Kunsill se jiddiskuti s-sitwazzjonu biex iressqu lment biex ikun hemm aktar preżenza tal-Pulizija.

Aktar kmieni Newsbook.com.mt irrapporta li l-Pulizija ma kellha l-ebda rapport fit-2 t’Awwissu dwar ġlieda f’Marsalforn iżda l-kelliem tal-Pulizija ċċara li r-rapport ġie rreġistrat fl-Għassa tar-Rabat, Għawdex u sar fi Triq il-Port li skont ir-reġistru elettorali taqa’ taħt il-lokalità taż-Żebbuġ, Għawdex.

Rappurtaġġ addizzjonali: Beppe Galea