Fis-sensiela Nitkellmu mal-Awtur, Frederick Zammit jitkellem mal-awtriċi Jennifer Spagnol li mal-kumpanija Faraxa ppubblikat diversi kotba.
“Minn dejjem kont nikteb. Malli għalaqt l-14-il sena bdejt nikteb in-novelli u wara l-istejjer tat-tfal,” tgħid Jennifer Spagnol li kienet ippubblikat tliet kotba tat-tfal f’daqqa: L-Arloġġ tal-Futur, Il-Pittura Maġika u Avventura Fi Żmien il-Milied.
“Jien ma tantx norqod. Bil-lejl jiġuni ħafna ideat u ġieli nqum nikteb,” tistqarr hi waqt li titkellem dwar kif ġew żviluppati l-istejjer.
Apparti s-sitt kotba għat-tfal, Jennifer ippubblikat il-ktieb Love Never Dies immirat lejn qarrejja żgħażagħ. Hi titkellem dwar l-iktar punt diffiċċli biex tikteb kliem apposta biex iż-żgħażagħ jifhmuh sew. Dan il-ktieb ħafna jirreferu għalih bħala l-ktieb “tal-ittri” minħabba li huwa dwar ħafna ittri li ntbagħtu.
Jennifer Spagnol ippublikat ukoll ktieb għal qarrejja ikbar, Isabelle. Huwa ktieb li ħadilha l-iktar żmien.
“Kien sfida għalija. Darba waqaft nikteb għal sena. Erġajt bdejt naqrah biex narah l-istorja u anke neħħejt xi kapitlu,” tispjega hi dwar dan il-ktieb li damet tikteb madwar tliet snin u nofs.
Dan il-ktieb issa għamlitlu wkoll traduzzjoni u fis-sena l-ġdida se jkun qed jinħareġ bl-Ingliż. Hi tgħid ukoll li l-verżjoni bl-Ingliż il-ktieb ġie ħafna itwal.
U x’kotba se tkun qed tippubblika ‘il-quddiem ma’ Faraxa Publishing?
Segwi l-intervista sħiħa fil-filmat f’din il-paġna.
Intervista: Frederick Zammit
Muntaġġ: Sarah Salafia