Filmat: “Ġieli arrestajna persuni li kellhom is-sintomi” – L-Ispettur Magro

Meta waqt xi investigazzjoni u arresti l-Pulizija jinnotaw persuni bis-sintomi tal-coronavirus, huma jinfurmaw immedjatament lill-awtoritajiet tas-saħħa. Jekk ikun hemm gruppi ta’ tlieta qrib ħafna ta’ xulxin, il-pulizija għandhom ukoll l-obbligu li jbiegħduhom.

Dan qalu l-Ispettur Elliot Magro li jmexxi s-Sezzjoni tal-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva (ALE), li tul l-intervista ma’ Newsbook.com.mt wera kemm il-ħidma tal-pulizija waqt l-imxija tal-Covid-19 tmur lil hinn minn kemm-il taħrika jkunu taw fl-aħħar tal-ġurnata.

Vetturi apposta għas-suspettati tal-Covid-19

L-Ispettur spjega li kellhom każijiet fejn waqt l-investigazzjonijiet arrestaw persuni li jkunu jidhru li għandhom is-sintomi jew inkella li qalulhom li kellhom xi sintomu partikolari. Fisser li huma ma jistgħux jordnaw lill-membri tal-pubbliku biex jagħmlu swab test, għax is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika għandha l-poter li tagħmel dan. Żied jgħid li l-Korp għandu vetturi mgħammra apposta biex persuni suspettati li għandhom il-virus jiġu skortati fihom. Iċċara li l-vetturi jiġu ffumigati wara kull użu.

X’tagħmel il-Pulizija jekk tilmaħ numru ta’ gruppi ta’ tlieta qrib xulxin?

Filwaqt li fakkar li gruppi ta’ aktar minn tlieta jiġu mħarrka, l-Ispettur stqarr li f’każ ta’ gruppi qrib xulxin, jispjegawlhom li xorta hemm ir-riskju li jlaqqtu l-virus. Stqarr li ħafna drabi l-pubbliku jifhem u jżomm id-distanza. Dan b’referenza għall-persuni li jmorru qrib il-baħar jew fil-kampanja meta toħroġ ġurnata sabiħa.

X’tibdil kien hemm fil-Korp tal-Pulizija?

L-Ispettur Magro spjega li l-ALE ġiet delegata mill-bidu nett biex tieħu ħsieb l-ispezzjonijiet u r-rapporti marbuta mal-imxija tal-coronavirus. Fisser kif fil-bidu kienu madwar 30 uffiċjal, imma maż-żmien bdew jiġu involuti skwadri oħra fi ħdan il-Korp tal-Pulizija – il-pulizija tad-distretti kollha, il-pulizija tal-kavallerija, is-sezzjoni tal-klieb u l-RIU.

Stqarr li l-Korp ħejja wkoll pjan ta’ kontinġenza, biex kemm jista’ jkun inaqqas l-espożizzjoni tal-virus kemm għall-uffiċjali tal-pulizija kif ukoll għall-pubbliku. Fost l-oħrajn semma kif ġew imnedija diversi mezzi oħra ta’ kif persuna tagħmel rapport lill-Pulizija minflok tmur l-għassa:

  • Permezz tal-app 112MT
  • Permezz tal-websajt tal-Korp tal-Pulizija
  • Fuq numri tat-telefowns li ġew introdotti apposta

L-Ispettur irrimarka li twaqqfet ukoll Operations Room fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fejn mill-bidu nett kien hemm team ta’ pulizija ffukati biss fuq rapporti dwar il-Covid-19 – permezz ta’ telefonati, imejls u rapporti (22944501). Fisser li minbarra l-investigazzjonijiet minn naħa tal-Pulizija, ġieli jkun hemm informazzjoni li jgħadduha lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jittieħdu l-passi neċessarji.

L-aktar rapporti li jidħlu huma dwar persuni li suppost ikunu qed isegwu kwarantina imma jintlemħu għand tal-grocer jew jippassiġġaw bil-kelb. Għalkemm enfasizza li r-rapporti mhux dejjem ikunu veritieri, bis-saħħa tagħhom sabu ħafna persuni li jkunu veru ħarġu.

X’taħriġ u x’tagħmir ingħataw il-pulizija minħabba l-Covid-19?

L-Ispettur Magro spjega li sa mill-bidu nett, l-ALE ltaqgħet mal-Uffiċċjali tas-Saħħa Ambjentali, fejn numru ta’ tobba tawhom taħriġ bażiku dwar meta u kif għandhom jilbsu l-Personal Protective Equipment (PPE) u dwar x’miżuri għandhom jieħdu waqt l-ispezzjonijiet fost l-oħrajn kemm għandhom iżommu distanza minn mal-oħrajn. Insista li jemmen li issa huma mħarrġa u esperjenzati għal kull eventwalità.

“Il-Korp, sa mill-bidu nett beda jqassam ilbies u tagħmir ta’ protezzjoni lill-uffiċjali tal-pulizija, bħal sanitizers, maskri u nuċċalijiet. Il-Korp qed joffri wkoll akkomodazzjoni alternattiva għal dawk li jgħixu ma’ persuni vulnerabbli. Din l-istess akkomodazzjoni qed tintuża minn pulizija li waqt xogħolhom ikollhom kuntatt ma’ suspettati li għandhom il-virus, sakemm joħroġ ir-riżultat tas-swab test. F’każ li r-riżultat ikun pożittiv, dawk il-persuni ma jerġgħux lura mal-familji tagħhom”, kompla jispjega l-Ispettur Elliot Magro.

Rappurtaġġ Addizzjonali: Liz Cutajar

Filmati u muntaġġ: Miguela Xuereb

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn