Filmat:  “Għinuni nerġa’ ngħannaq lil binti”

Appell kommoventi min-naħa tal-kantanta Romina Power ilbieraħ filgħaxija waqt il-programm tar-Rai Tre Chi L’Ha Visto? waqt puntata li parti minnha kienet dedikata dwar l-għajbien ta’ bintha Ylenia, każ li jmur lura kważi 26 sena.

Il-messaġġ ta’ Romina Power flimkien ma’ dak tal-preżentatriċi Federica Sciarelli qed jinxtered madwar id-dinja. Omm Ylenia hija konvinta, l-istess bħalma huma konvinti dawk tal-programm Chi L’Ha Visto?, li Ylenia għadha ħajja.

L-ipotesi li qed tissemma’ hija li kienet ingħaqdet mas-setta ta’ Aleksander Makasela fi New Orleans fl-1994 u li b’xi mod nessiha l-imgħoddi tagħha u li llum Ylenia għandha identità oħra.

L-aħħar darba li Romina, flimkien mal-eks żewġha Al Bano u l-kumplament tal-familja Carrisi semgħu b’aħbarha, kien nhar l-1 ta’ Jannar 1994.

Wieħed mill-aħħar ritratti flimkien: Al Bano u Romina flimkien ma’ binthom Ylenia

Ftit snin ilu, waqt l-istess programm, ixxandret ukoll storja ta’ mara li rnexxielha taħrab minn dan l-istess Makasela u rrakkuntat kif għal snin twal kienet taħt il-kontroll tiegħu.

Waqt il-programm tal-bieraħ, permezz tal-kompjuter, ixxandru ritratti ta’ kif Ylenia jista’ jkun li tidher illum il-ġurnata.

Dawn ir-ritratti qed jidhru fil-filmat li ssibu f’din il-paġna.

Al Bano f’dawn l-aħħar snin għażel li ma tantx jitkellem wisq fuq l-għajbien ta’ bintu għalkemm fl-imgħoddi kien ta x’jifhem li hu jemmen li hija mejta.

Romina temmen differenti u l-appell tagħha lbieraħ filgħaxija kien wieħed imqanqal.

“Għinuni nerġa’ ngħannaq lil binti,” appellat Romina hekk kif fil-filmat waqt l-istess programm wasslet tliet ritratti differenti ta’ kif Ylenia, jekk għadha ħajja, għandha mnejn tista’ tidher illum il-ġurnata.

AQRA: Tittama li bintha għadha ħajja