Filmat: “Għexna l-imħabba tal-frontliners”; l-Arċisqof jirrifletti fuq l-2020

Jappella biex nieħdu l-vaċċin, mhux biss għalina nfusna imma biex nipproteġu lil min ma jistax jieħdu.

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna rrimarka li “din is-sena rajna xhieda sabiħa ta’ mħabba li offrewlna tant frontliners li taw risposta sabiħa u ġeneruża – insejħulha wkoll erojka – għall-pandemija li laqtitna bla avviż, burraxka li m’aħniex se ninsewha malajr”.  

Dan kien il-qofol tal-messaġġ tal-Milied tal-Arċisqof Scicluna, li ta wkoll il-barka tiegħu lill-frontliners, filwaqt li esprima l-gratitudni lejhom f’isem kull wieħed u waħda minna. Żied jgħid li f’dawn ix-xhur “b’sens ta’ ammirazzjoni ersaqna u ħarisna lejn it-tobba, l-infermiera, l-awtoritajiet tas-saħħa, lejn tant staff mediku u oħrajn fir-residenzi tal-anzjani u f’ambjenti oħrajn li kienu taħt prova kbira”.

Għadda biex jgħid li l-Milied irid iġib mhux biss fejqan fiżiku imma fejqan spiritwali, u li “l-Mulej biex ifejjaqna ma jibgħat l-ebda tabib tal-ġisem imma jibgħat tarbija”. Saħaq li t-tobba tal-ġisem qegħdin magħna u li l-Mulej ikompli jagħnihom bil-għerf u bis-saħħa.

“Ikkoperaw mal-awtoritajiet; ħudu l-vaċċin”

Filwaqt li qal li kulħadd qed iħares b’tama kbira lejn is-sena li ġejja, insista li hemm bżonn li nkunu xhieda tal-għożża li għandna għal xulxin. Appella biex kulħadd jikkopera mal-awtoritajiet tas-saħħa, għax fi kliemu “din hi espressjoni tal-imħabba konkreta”.

Mons. Scicluna insista li kull min jista’ jieħu l-vaċċin għandu jieħdu biex jipproteġi lilu nnifsu u lil dawk li minħabba xi ċirkostanzi ma jistgħux jeħduh. Irrimarka li fl-aħħar xhur tgħallimna kemm hemm affarijiet għeżież għalina u li forsi ċċaħħadna minnhom, u pereżempju b’hekk sibna t-tifsira vera tat-tgħanniqa u li nżuru lill-anzjani.

L-Arċisqof sellem ukoll lill-familji li minħabba l-pandemija tilfu lil xi ħadd għażiż u kellhom jgħaddu mill-esperjenza kiefra li ma jistgħux ikunu qrib l-għeżież tagħhom fl-aħħar mumenti tal-ħajja. Fakkar li l-Milied ma kienx biss ta’ ferħ għar-ragħajja, għall-maġi u għal Marija u Ġużeppi, imma kien ukoll ta’ sfida.

“Kelma ta’ tama”

Ir-ragħaj tal-Knisja Kattolika f’Malta qal li hu jrid jgħaddi kelma ta’ tama u tħeġġiġa, “biex inkomplu naħdmu flimkien għall-ġid ta’ kulħadd”.

Temm jirringrazzja lil dawk li appoġġjaw lill-Isqfijiet, li tawhom kelma ta’ kuraġġ u lil dawk li ltaqgħu magħhom għall-ewwel darba. Ftakar u sellem ukoll lill-emigranti li mhumiex f’Malta u Għawdex imma jsegwu mill-qrib dak li jiġri fil-pajjiż.

Tista’ tara d-diskors kollu tal-Arċisqof hawn.