Filmat: Għexieren jinqabdu jonsbu għasafar protetti

Filmat li ttella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) juri bosta persuni jinqabdu fil-fatt jonsbu b’mod illegali. Il-filmat juri wkoll uffiċjali tal-Pulizija jiżgassaw bieb ta’ dura wara li nassab sakkar lilu nnifsu ġewwa biex jinħeba mill-Pulizija.

Fi stqarrija, il-CABS sostnew li l-insib illegali żdied b’mod sostanzjali minn mindu fetaħ l-istaġun tal-kaċċa għall-Malvizz u Pluvier. Spjegaw li fl-aħħar tliet ijiem, timijiet mill-CABS issorveljaw żoni differenti f’Malta u ġibdu bosta filmati ta’ għexieren ta’ illegalitajiet li mbagħad irrappurtaw lill-Pulizija. Dawn jinkludu l-insib għall-vrieden, ekri u għasafar oħra.

L-insib illegali għall-isponsun ġie rreġistrat fil-Qrendi, ż-Żurrieq, Santa Katarina, Fomm ir-Riħ, l-Imtaħleb, Ta’ Baldu u viċin it-Tempji ta’ Ħaġar Qim. CABS sostniet li kien hemm total ta’ 10 nassaba investigati mill-Pulizija u mal-50 għasfur protett ġew ikkonfeskati.

CABS insistiet li minkejja li kienet qed tistenna li se jkun hemm illegalitajiet, ma setgħetx temmen kemm kienet kbira din il-problema. Axel Hirschfeld, rappreżentant tal-CABS, sostna li l-appell tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri, waqa’ fuq widnejn torox. Irrimarka li Camilleri issa għandu żewġ għażliet, jew ikompli jagħlaq għajnejh għar-realtà, jew inkellha jsegwi l-obbligazzjonijiet tiegħu li jagħlaq l-istaġun.