Filmat: Għażla aħjar fl-iskart riċiklabbli fl-impjant ta’ Sant’Antnin

Investiment li sar fl-impjant tal-Wasteserv ta’ Sant’Antin għandu jwassal għall-għażla aħjar tal-iskart tal-borża l-griża. Il-proġett tlesta qabel iż-żmien li kien imbassar.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ambjent qal li bdiet titħaddem “rudimentary line ġdida.”

“Permezz ta’ dan l-upgrade, Malta se tkun qed iżżid il-performance tagħha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riċiklar tal-iskart. Dan il-proċess se jwassal lejn l-estrazzjoni u l-immaniġġjar ta’ materjali ta’ kwalità għolja. Dan huwa t-tieni suċċess f’daqstant ġimgħat li qed ikollu pajjiżna fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart, fejn il-ġimgħa li għaddiet Wasteserv esportat 6,550 tunellata ta’ skart imħallat sabiex jiġi riċiklat. Dan imur id f’id mal-ikbar investiment fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart ta’ pajjiżna. Il-proġett ECOHIVE se jinkludi numru ta’ impjanti ġodda sabiex pajjiżna jkompli jilħaq il-miri tiegħu fir-riċiklar tal-iskart,” qal il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia waqt żjara fl-impjant.

Waqt iż-żjara, il-ministru kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca, mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella li lkoll ingħaqdu mal-ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq dan ir-rudimentary line.

Il-materjali li jiġu riċiklati u magħżula minn dawn il-boroż jinkludu l-karti, il-plastik u l-metall. Il-materjali li jiġu magħżula minn dawn il-boroż jiġu ppakkjati f’munzelli, merfugħa u eventwalment jinbiegħu.

Filmat: MECP