Filmat: Għażiż Milied

Nistgħu f’dan il-Milied naqsmu l-ferħ tagħna ma’ ħaddieħor, bħal ma nagħmlu ta’ kull sena bit-talent tagħna?” – Din kienet il-mistoqsija f’moħħ l-istudenti u l-għalliema ta’ Future Voices Studio fil-Gudja, taħt id-direzzjoni ta’ Ms Iona Dalli b’assistenza ta’ Ms Marija Bellia. Permezz tal-proġett bl-isem “Għażiż Milied” li jikkonsisti f’kanzunetta oriġinali, b’lirika u mużika ta’ Marija Bellia u Iona, diġá nġbura 400 ewro mill-parteċipanti, li se jmorru għal tfal morda bil-kanċer b’kollaborazzjoni mal-Malta Community Chest Fund.

Dawn huma l-flus illi s-soltu jinġabru għar-recording tal-kanzunetta.“Għażiż Milied” hija kantata minnhom flimkien ma ‘l fuq minn 30 student u studenta ta’ Future Voices, u nħareġ ukoll vidjow mużikali miġbud b’mod volontarju minn Kurt Cauchi Videography.

U mhux hekk biss! Dawn it-tfal ħadu l-inizzjativa illi jagħmlu ġest ma’ tfal inqas ixxurtjati minnhom li jinsabu fil-kenn tal-istituti billi jnaqqsu minn dak li ser jirċievu huma fil-Milied, u jagħtuh bħala rigal lil dawn it-tfal.

Fuq kollox, huma jaħsbu li mhuwiex il-materjaliżmu li se jwassal il-ferħ, iżda l-ħsieb, filfatt, fil-kanzunetta jitwassal dan l-istess messaġġ. Flimkien mar-rigali ser ikunu qed jibagħtu ittri personalizzati fejn jgħaddu x-xewqat tagħhom. S’issa qegħdin f’kuntatt ma’ 6 istituti tat-tfal u diġa ġbarna ‘l fuq minn 80 rigal mill-parteċipanti, il-familjari u l-ħbieb tagħhom.

Future Voices Studio hija għaqda taħt id-direzzjoni ta’ Ms Iona Dalli bl-assistenza ta’ Marija Bellia li toffri lezzjonijiet tal-kant u sessjonijiet ta’ recordings u produzzjoni tal-mużika fil-Gudja. Fiha jattendu ammont ta’ kantanti solisti u anke żewġ korijiet; wieħed magħmul minn tfal ta’ eta żgħira, u ieħor minn adoloxxenti. Iona Dalli għandha 26 sena. Ilha tmexxi dan l-istudio għal madwar 11-il sena. Minbarra li tagħti l-lezzjonijiet tal-kant, għandha l-karriera ta’ għalliema tal-ewwel sena primarja.

Marija għandha 17-il sena, u hija studenta fil-Junior College.

Din is-sena ddeċidew li jieħdu x-xogħol tagħhom pass ‘il quddiem, u jinkludu lill-istudenti ta’ Future Voices fil-prodott finali tal-mużika li joħorġu. L-appell tagħhom huwa li kull min jixtieq jingħaqad magħhom f’dan il-ġest sabiħ tad-donazzjoni tar-rigali, għandu jagħmel dan billi jibgħat email lil Iona Dalli fuq iona_music@hotmail.com jew jibgħat messaġġ fuq 79291704.

Hekk ikunu jistgħu jagħmlu donazzjoni monetarja jew inkella jieħdu d-dettalji ta’ xi tifel/tifla mill-istitut flimkien mal-etá tagħhom sabiex ikunu jistgħu joffru rigal u nota mill-qalb.

L-ewwel sett ta’ donazzjonijiet u rigal se jingħata fit-23 ta’ Diċembru, u għal min ma jlaħħaqx, ġiet maħsuba data oħra biex inqassmu t-tieni sett fid-29 ta’ Diċembru.