Preview tar-4 ktieb tiegħi 100 PASS - Prosit lill-Evolution Media.
Posted by Ivan Bartolo on Thursday, July 26, 2018
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda Kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo qal li għażel it-3 ta’ Awwissu għat-tnedija tal-ktieb ġdid tieghu 100 PASS, minħabba li dak in-nhar ommu Tessie u missieru Joe jagħlqu 50 sena miżżewwġin.
F’100 PASS, Bartolo qabad 100 jum u beda jirriffletti fuq dawk l-affarijiet kollha li jolqtuh fil-jiem partikolari.
“Fortunatament niltaqa’ ma’ ħafna nies, allura din tiffaċilitali l-opportunita,” qal Bartolo waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt.
“Permezz tal-imejl, kuljum bdejt nikkomunika dak kollu li nikteb ma’ tlett iħbieb qrib ħafna tiegħi u bdejt niddiskuti magħhom u nipprova nidħol fiż-żarbun ta’ min iħossu mwarrab, bla flus, iddisprat, ma jħossux maħbub, fallut u diversi sfidi oħra”.
Bartolo jgħid li t-tlett iħbieb tiegħu – Stefan Buontempo, Roselyn Borg u Simone Aquilina – kienu ta’ għajnuna u inkoraġġament kbir.
“L-iskop tal-ktieb hu li jsir il-ġid,” żied jgħid Bartolo. “Il-ktieb se jitqassam b’ xejn. L-uniku jum li tingħata donazzjoni huwa dakinhar tat-tnedija, li se ssir f’Casa Pereira, Triq ir-Repubblika l-Belt Valletta nhar il-Ġimgħa li ġej. Id-donazzjonijiet li jinġabru jmorru għall-karità. L-iskop orġinali tal-ktieb huwa li tagħti biċċa minnek, lil dawk li jkunu fdawk u fetħu qalbhom miegħek”.
X’jittratta l-100 PASS?
“Xi wħud ikiddhom il-fatt, li spiss iħossu vojt etern li ma jkun irid iħallihom b’xejn. Jispiċċaw iqattgħu ħin twil minn ħajjithom,
jinkwetaw u jaħsbu x’inhu l-kaġun veru ta’ dan il-vojt u x’ jistgħu jagħmlu. Xi wħud jispiċċaw jemmnu r-raġuni falza, dejjem ‘il barra minnhom, bil-konsegwenza li jitnikktu kontinwament. Allura jaħsbu li l-vojt f’ ħajjithom huwa kaġun tar-relazzjoni, li m’għadhiex taħdem, jew inkella minħabba li tħossok waħdek kontinwament. Bih u mingħajru xorta waħda. Uħud forsi jippuntaw subgħajhom lejn ix-xogħol.
Forsi ma jagħtihomx sodisfazzjon daqskemm jixtiequ, jew inkella m’għandhomx fejn jimirħu. Iħossuhom limitati u li ma jistgħu qatt jitilgħu aktar ‘il fuq u jiksbu aktar suċċessi f’ħajjithom. Uħud forsi jaħsbu li minħabba n-nuqqas ta’ finanzi, jew inkella għax imċaħħdin minn bosta xewqat materjali. Oħrajn jaħsbu wkoll li huma nieqsa mis-sess. Hemm ħafna u ħafna ħsibijiet differenti oħra. Xejn minn dan ma jikkaġuna l-kawża reali tal-vojt li wieħed iħoss.
Imbagħad issib oħrajn li jimlew il-vojt bl-alkoħol u sustanzi oħra, oħrajn jiffangaw fl-ikel u arahom ibattlulek friġġ. Hemm dawk li daħlu f’rutina ta’ nfiq esaġerat, jew ma tkunx għaddiet il-ġurnata xierqa jekk ma jbattlux il-but. Dawn il-bnedmin issibhom kullimkien u jinbtu kontinwament. Mingħalihom li se jimlew il-vojt tagħhom u jissodisfaw il-vojt tagħhom b’affarijiet li jagħtuk gost għal ftit mumenti. Wara ftit, il-vojt jerġa’ jinħass. L-ikel, ix-xorb, is-sess, l-oġġetti materjali jindirizzaw is-sintomi tal-vojt, imma mhux il-kawża”.
L-Imħabba…
“Ħaġa waħda biss timla l-vojt fil-ħajja tal-bniedem. Din hija l-imħabba. Pass wara pass, il-qarrej se jifhem li hemm kawża waħda biss li tħallilek vojt etern, u dan il-vojt huwa n-nuqqas ta’ mħabba. M’iniex nirreferi għall-imħabba li ħaddieħor irid jagħtik, għax inkella fallejna bil-kbir, jekk trid tistenna minn ħaddieħor biex jimtela dan il-vojt. Din l-imħabba tiddependi minnek, billi inti stess tibda tħobb bis-serjetà lilek innifsek. Il-vojt jispikka u jinħass meta twarrab għal kollox is-sors, li huwa ħafna ‘l fuq minnek u taqta’ l-konnessjoni u kull komunikazzjoni ma’ din l-enerġija, ma’ dan is-sors.
Meta jiġri dan, awtomatikament tabbanduna lilek innifsek, tinjora s-sentimenti tiegħek u tingħalaq fik innifsek. Il-100 PASS iġiegħlek taħseb li inti stess il-kaġun ta’ dan il-vojt li qed tħoss. Inti stess, bl-imġiba tiegħek abbandunajt lilek innifsek. Spiċċajt mintix tagħraf lilek innifsek.
Nittama li bil-100 PASS, terġa’ ssib lilek innifsek, terġa’ tibda tħobb lilek u lil ta’ madwarek. Ma jkunx qed jgħinek jekk taqra l-ktieb kollu f’salt, imma pass wara pass, anzi pass wieħed f’kull ġurnata u bir-riflessjoni profonda tiegħek, issib il-verità dwarek u dwar l-eżistenza f’dan l-ispazju li qed tgħix fih”.