Filmat: “Għax ħabb lill-umanità Prof. Friggieri inkwieta fuqha” – Dr Vassallo

Bil-mewt tal-Professur Oliver Friggieri tlifna persuna li kien iħobb lil Malta kien iħobb lill-umanita’ u kien iħobb lil Malta għaliex Malta hi post fejn hemm nies li huma parti minn dinja akbar, sostna Dr Mario Thomas Vassallo, lettur fl-Universita’ ta’ Malta fi ħdan id-dipartiment tal-Politika Soċjali.

Intervistat waqt il-programm imexxi mill-Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart, is-Sibt filgħodu, Dr Vassallo tkellem dwar l-impatt li ħalla l-Prof. Oliver Friggieri mhux biex bl-aħbar tal-mewt tiegħu imma anke tul il-karriera akkademika tiegħu. Dr Vassallo semma’ kif Prof. Friggieri kien jolqot lil ħafna nies b’diversi modi u kien għalhekk wkoll li l-ġimgħa li għaddiet Malta waqfet malli semgħet l-aħbat tal-mewt tiegħu.

“Għax ħabb lill-umanita’, inkwieta fuqha. Waħda mill-affarijiet li kien ibati fuqha l-Prof. Friggieri kien li rari tarah jitbissem, kważi kważi tarah dejjem inċert u inkwetat. Taf għalfejn? Għaliex is-supperv biss jgħix fiċ-ċertezzi. Il-bniedem li hu sensittiv ħafna drabi ssiblu element ta’ dubji u l-Profs kien mimli b’dawn għaliex ħabb il-bniedem,” spjega Dr Mario Thomas Vassallo.

Dr Vassallo qal li jħossu dixxiplu ta’ Prof. Friggieri mhux issa għaliex miet imma minn meta sar iħobb il-kotba tiegħu. Hu kompla jgħid li Oliver Friggieri jibqa’ ħaj mhux għax isirlu monument, għalkemm qal li hu tajjeb li dan ser isir, imma għaliex kull darba li tiftaħ il-ktieb Prof. Friggieri tħossu ħdejk.

L-aktar 3 affarijiet għeżiez għal Oliver Friggieri u li kien jinkwieta dwarhom huma il-ġebla, il-fidi u l-ilsien. Dr Vassallo spjega kif il-ġebla li hi taħt attakk mill-konkos, minn dak li hu żnaturali u allura tidħol l-estetika ambjentali. Dwar il-fidi, Dr Vassallo qal li għal Prof. Friggieri ħabb lill-Alla u kien ċert li Alla u ġust u jħobb lilu wkoll, Alla li jagħti s-sens lill-bniedem. Jekk hemm xi ħaġa li tgħaqqadna mal-passat u l-ilsien qadim żgħir imma qadim. Dr Vassallo qal li Prof. Friggieri kien inkwetat dwar il-Malti kien jinkwieta jara kif it-tfal ma jistgħux jikkomunikaw man-nanniet għaliex in-nanniet ma jafux jitkellmu bl-ingliż.