Filmat: Għawdex taħt il-lenti waqt il-Ġimgħa Ewropea għar-Reġjuni

Read in English.

Fi Brussell din il-ġimgħa ġiet organizzata l-Ġimgħa Ewropea għar-Reġjuni u l-Ibliet, attività annwali li tattira mijiet ta’ ġurnalisti minn madwar l-Unjoni Ewropea biex isegwu attivitajiet u diskussjonijiet relatati mar-reġjuni u l-ibliet.

F’diskussjoni li saret dwar Għawdex fil-Kumitat tar-Reġjuni intervjenew il-Membri Parlamentari Ewropej Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar. Newsbook.com.mt ħa l-kummenti ta’ Alex Agius Saliba wara li tkellem dwar l-importanza tal-iżvilupp teknoloġiku f’Għawdex.

Għall-istess attività attendew għadd ta’ Sindki, u Kunsilliera lokali minn Malta u Għawdex. Tkellemna mas-Sindku ta’ Għajnsielem Kevin Cauchi dwar il-parteċipazzjoni tiegħu f’din il-Ġimgħa Ewropea għar-Reġjuni u l-Ibliet. Hu stqarr li attivitajiet bħal dawn huma intiżi biex iqarrbu l-Unjoni Ewropea maċ-ċittadini tal-lokalitajiet iż-żgħar.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana pparteċipat ukoll f’din il-ġimgħa waqt diskussjoni dwar l-isfidi u l-futur tal-insultarità fil-Mediterran. Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Caruana tkellmet dwar l-aċċessibiltà bejn Malta u Għawdex. Wara d-dibattitu organizzat fil-Kumitat tar-Reġjuni, il-Ministru Caruana qalet li s-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex se jsir.

Filmat: “Il-fast ferry se jsir” – il-Ministru Caruana

L-intervisti se jixxandru waqt il-programm Newsbook Hour għada s-Sibt fid-9am fuq 103.