​Filmat: “Għattejna l-għasfur ferut bil-ħwejjeġ tagħna” – studenti

Żewġ studenti mill-kulleġġ St Edwards fil-Birgu spjegaw kif raw għasfur ferut jinżel fl-iskola tagħhom waqt live-in u għattewh bil-ħwejjeġ tagħhom stess ħalli jipproteġuh.
L-istudenti spjegaw li kienu jafu eżatt xi jridu jagħmlu minħabba li sfortunatament għaddew minn każ simili fl-2015. Qalu li minnufih ċemplu għall-ambulanza tal-annimali  biex jippruvaw isalvaw l-għasfur.
Il-President tal-BirdLife Malta Darryl Grima qal li huwa ċar li f’Malta hawn problema ta’ kaċċa illegali. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Grima stqarr li kellu laqgħa mal-Kummissarju tal-Pulizija riċentament u li dawk preżenti għaliha daħku bih meta qal li qed isir “massakru” tal-għasafar.
Grima indirizza wkoll pubblikament lill-Prim Ministru Joseph Muscat, indirizz li fih talbu jgħidlu eżatt kif għandhom  jispjegaw dak li ġara lit-tfal tal-iskola. Staqsieh x’messaġġ irid jingħata.
Il-Kap Eżekkuttiv tal-BirdLife Mark Sultana qal li l-Pulizija ma jistgħux jagħmlu aktar milli qed jagħmlu bir-riżorsi li għandhom. Għal Sultana, dan ifisser li issa l-Gvern irid jieħu deċiżjoni jekk hux se jżid ir-riżorsi għall-infurzar tal-liġi u jekk hux se tittieħed azzjoni fuq l-istaġun kurrenti.  
F’dan l-istaġun tal-kaċċa, kien hemm 26-il rapport ta’ għasafar protetti li sfaw feruti minn tiri ta’ snieter.
Fl-2015, wara li għasfur protett niżel ġewwa l-iskola ta’ St Edwards, il-Prim Ministru kien għalaq l-istaġun tal-kaċċa minnufih. 
Ritratt: BirdLIfe Malta