Filmat: Għasfur protett ieħor jibla’ ċ-ċomb f’żona fejn mhux soltu ssir kaċċa għas-summien

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=IlctPPtkTRY]

Il-BirdLife qalet li lbieraħ intlaqat it-tieni bagħdan aħmar fl-inħawi tal-Miżieb, fejn lanqas biss issir kaċċa għas-summien.
Tlitt ijiem ilu tajra tal-istess razza instabet midruba ħdejn it-triq li twassal għal Ta’ Pinu f’Għawdex. Il-ġrieħi li kellha dit-tajra kienu infettati bid-dud.
Sadanittant, illum il-BirdLife qalet li t-tieni bagħdan aħmar instab minn xi ċiklisti fil-Miżieb ilbieraħ filgħodu.
Il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) tqis li ż-żona fejn instabet it-tajra hi tagħhom.
Normalment il-kaċċa għas-summien ma ssirx fil-Miżieb għax mhux il-lok ideali għalih, u allura l-BirdLife qalet li min daħal bis-senter hemm mar biex jikkaċċja għal speċi protetta.
Il-bagħdan aħmar kellu tiri fi ġwinħajh, iżda l-ġewnaħ lemini kien l-aktar milqut.
Dawn iż-żewġ vittmi tal-kaċċa illegali jsegwu tajra midruba oħra, bagħdan abjad, li l-BirdLife qalu li osservaw f’Delimara f’Ħadd il-Għid, meta bdiet il-kaċċa fir-rebbiegħa għas-Summiena.
Jum biss qabel, 7 tajriet tal-priża nstabu mejta fil-Bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ.