Filmat: “Għarqubha biss baqa’ jidher; radmuha żewġ soqfa”

Anzjana ta’ 84 sena mietet wara li ċeda ħajt f’darha u spiċċat intradmet minn żewġ soqfa. Binha, Paul Vella, jirrakkonta kif minkejja li għaddew 19-il sena, għadu jħoss dieqa u weġgħa kbira meta jara postijiet li qed jinbnew b’irregolaritajiet.

Vella kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM. Irrakkonta kif l-għodwa tat-12 ta’ April tas-sena 2000 bdiet bħall-oħrajn: qam u mar ix-xogħol.  Stqarr li wara l-ikel, għall-ħabta tas-1.15pm ċemplitlu l-mara u qaltlu li ommu kellha inċident. Inkwieta għax sitt xhur qabel kienet għamlet operazzjoni f’ġenbha.

“Waqgħet id-dinja fuqi kif indunajt x’ġara”

Iben il-vittma kompla jispjega li mar l-emerġenza tal-Isptar San Luqa u hemmhekk “waqgħet id-dinja fuqi kif indunajt x’ġara. Kif dħalt oħti qaltli li waqgħet id-dar”.  Ma setax jidħol ħdejn ommu, u daħal ħdejn ħuh u sabu “diżastru, b’qasma fuq rasu”.

B’ton imbikkem, Paul qal li fid-dar ma’ ommu kienu jgħixu zijuh u ħuh. Stqarr li filgħodu oħtu marret bħas-soltu ħdejn ommhom u rat konsenturi ma’ kullimkien, taraġ maqtugħ minn postu, tant li kien jidher id-dawl minn bejn il-ġebel. Irrakkonta li ħarġet twaqqaf lill-kuntrattur “li kien għadu għaddej bil-gaffa”. Kellha ċċempel lill-perit li kellu jmur fuq il-post, iżda baqa’ ma marx.

Fil-ħin tal-inċident fid-dar kien hemm omm Paul, zijuh u ħuh, lesti biex jieklu. Kien dak il-mument li zijuh innota xi trab nieżel mis-saqaf u qalilhom biex joħorġu ‘l barra. Sakemm ommu daret minn mal-mejda biex toħroġ, ċeda l-ħajt u niżlu żewġ soqfa fuqha u ntradmet. Kulma ra ħuh kien biċċa mill-għarqub. Ħaduha l-isptar fejn ippruvaw jagħmlu li setgħu, imma wara erba’ sigħat ċediet u mietet.

Għaddew 19-il sena imma…

Għalkemm għaddew 19-il sena milli seħħ dan il-każ, Paul spjega li għajnejh awtomatikament imorru fuq blokok li jkun għaddej ix-xogħol fuqhom. Stqarr li qabel ma ġara l-każ ta’ Gwardamanġa kien innota li d-distanza ta’ żewġ piedi u nofs li suppost ikun hemm, ma kinitx teżisti. “Kull darba li tgħaddi minn quddiem xi xogħlijiet terġa’ tħoss dak li tkun ħassejt dakinhar. L-istess ħija li ntradam ma’ ommi, u oħti tibki fuq it-telefown” żied jgħid Paul.

Ara: Jiġġarraf ħajt fi Gwardamanġa; ħdejn sit ta’ kostruzzjoni

Aqra: Ir-residenti ta’ Gwardamanġa bi protest ġudizzjarju kontra l-iżviluppatur

Mistoqsi dwar jekk il-każ telax il-Qorti, Paul Vella qal li l-Pulizija fetħu każ kriminali fejn iż-żewġ kuntratturi nstabu ħatja b’negliġenza u laqqtu multa ta’ €4,000. Semma wkoll li hu u l-familja tiegħu fetħu kawża ċivili, li bdiet tinstema’ tliet xhur wara u nqatgħet wara 14-il sena, jiġifieri ħames snin ilu. Il-kawża ġiet deċiża kontra ż-żewġ kuntratturi u l-perit inkarigati mix-xogħlijiet.  Huma ngħataw sentenza ta’ somma flus kull wieħed. L-aħħar appell għadu ma nqatax.