​Filmat: “Għandna tendenza li nħarsu lejn il-qligħ imma mhux minn fejn ġej”

Il-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, il-Perit Daniel Darmanin, qal li l-bniedem għandu tendenza li jħares lejn il-qligħ li jagħmel mingħajr ma jevalwa minn fejn ikunu ġejjin il-flus.
Darmanin kien qed jitkellem waqt il-programm Newsline fuq RTK103FM ippreżentat minn Fr Joe Borg u Manuel Delia. Huwa ġie mistoqsi dwar l-omelija tal-Arċisqof Charles Scicluna fil-Kamra tal-Kummerċ fil-Belt Valletta. Mons. Scicluna insista li mhux unur li l-pajjiż jagħmel il-flus minn vizzji li jkissru l-familji u jċaħħdu lill-persuni mid-dinjità tagħhom.
Darmanin qal li kull meta jisma’ lill-Arċisqof jitkellem b’dan il-mod jieħu gost għax jaqbel mal-messaġġ tal-Kummissjoni li jmexxi. Qal li dawn il-messaġġi jkomplu mat-tagħlim soċjali tal-Knisja.
Darmanin fakkar fil-kliem tal-Papa Ġwanni Pawlu II li kien qal li l-profitt għandu jkun għas-servizz tal-bniedem.
Fi kliem Darmanin, l-Arċisqof qed jisfida lill-poplu biex jirrifletti dwar il-flus li qed jagħmel u minn fejn ġejjin. “Il-mistoqsija prinċipali hi, sakemm qed nagħmel il-flus, kollox huwa tajjeb?” staqsa Darmanin. “Irridu naraw li meta namlu l-flus, naraw minn fejn qed namluhom. Qed isiru fuq it-tbatija ta’ ħaddieħor?”
Skont il-President tal-Kummissjoni, anke fil-ħajja ta’ kuljum wieħed jista’ jkun li jagħmel il-ħsara bid-deċiżjonijiet tiegħu. Qal li meta nippreferu nixtru xi ħaga li tkun tintrema (disposable) inkunu qed nagħmlu ħsara lill-ambjent.
Huwa qal li l-messaġġ tal-Arċisqof japplika għal ħafna industriji differenti u mhux biss għal dak tal-igaming. Qal li fl-industrija tal-kostruzzjoni hemm ħafna sfruttar tal-ħaddiema li anke jaħdmu bla ktieb tax-xogħol.