Filmat: Għandna nħallu l-istituzzjonijiet jinvestigaw l-allegazzjonijiet kontra Delia – Fearne

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li hemm bżonn li wieħed iħalli l-istituzzjonijiet jinvestigaw l-allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika li hemm fil-konfront tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Fearne qal dan fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar l-aħħar allegazzjonijiet li qed jaffaċċja Delia. Qal li bħal każijiet oħra ta’ allegati reati kriminali minn politiċi hemm l-istitutzzjonijiet biex jinvestigawhom bħal ma huma l-Pulizija u l-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika.

Fearne qal li l-problemi l-oħra matrimonjali ta’ Delia għandhom jibqgħu privati. Huwa qal li wieħed għandu jħalli l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom, istituzzjonijiet li Fearne qal li għandu fiduċja fihom.

Fearne qal li ma jkunx infurmat xi jkunu qed jagħmlu l-Pulizija meta kien mistoqsi dwar jekk hemmx investigazzjonijiet għaddejjin dwar Delia. Huwa saħaq li ma rċeviex struzzjonijiet mill-Partit Laburista biex ma jitkellimx dwar il-każ.