Filmat: ‘Għandkom dover lejn dawk li vvutawlkom’ – Il-President lill-MEPs

L-Ewroparlamentari l-ġodda iltaqgħu mal-President George Vella fi żjara li saret fil-Palazz tal-President il-Belt. Il-President saħaq mal-MEPs, li wieħed għandu dover lejn dawk li vvutawlhom.

Il-President George Vella fetaħ il-laqgħa billi spjega li l-Ewroparlamentari Roberta Metsola u David Casa ma setgħux jattendu għal din il-laqgħa minħabba impenji fi Brussell. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm l-Ewroparlamentari Miriam Dalli, Alfred Sant, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar.

Huwa saħaq li minkejja għandha biss sitt siġġijiet f’forum, meta kienu attivi l-Ewroparlamentari Maltin, il-messaġġ tagħhom wasal kif ukoll intlaħqu ċertu l-għanijiet.

Dwar l-Ewroparlamentari eletti, il-President sostna li hemm taħlita ta’ kompetenzi u esperjenzi. Sostna wkoll li hemm parità bejn is-sessi.

Huwa u jikkummenta dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, Vella sostna li l-kompożizzjoni l-ġdida tal-Parlament Ewropew tofri sfidi ġodda u wieħed irid jara x’se jkun l-irwol tal-lemin estrem f’din il-leġislatura l-ġdida.

Il-President Vella kkonkluda billi qal li wieħed għandu jżomm l-interess ta’ Malta l-ewwel filwaqt li awgura iktar ħidma u fakkarhom li meta wieħed jiġi elett, mhuwiex premju iżda għandu dover lejn dawk li eleġġewh.