Filmat: ​“Għandi responsabbiltà lejn Daphne” – korrispondent tal-MSNBC

Il-preżentatur tal-aħbarijiet u korrispondent tal-MSNBC Richard Lui qal li għandu responsabbiltà lejn il-ġurnalista assassinata Daphne Caurana Galizia.
Ma’ Newsbook.com.mt Lui tkellem dwar l-isfidi tal-ġurnaliżmu. Stqarr li meta jħares lejn il-każijiet ta’ ġurnalisti li nqatlu, bħal Caruana Galizia, hu jħoss li għandu jistinka aktar.  
“Kull meta ġurnalist jitlef ħajtu, dan huwa bħal sinjal ta’ twissija għall-ġurnalisti madwar id-dinja.” Dwar il-każ ta’ Caruana Galizia, Lui qal li mill-aspett ġurnalistiku, hu jrid ikun jaf x’inhuma l-fatturi kollha li wasslu għall-assassinju.
Lui qal li l-ġurnaliżmu jpoġġi lil dawk li jirrakkontaw l-istejjer fil-periklu. Qal li hemm dawk li jinqatlu minħabba l-istejjer tagħhom u hemm oħrajn li jinqatlu minħabba li jkunu qed jaħdmu f’xi żona ta’ gwerra.
Lui qal li qatt ma ġie espost għal-livell ta’ vjolenza li kienet tiffaċċja Caruana Galizia. Però, qal li ġieli ġie mhedded li se ssirlu vjolenza fiżika. Żied jgħid li wieħed irid dejjem janalizza dawn l-affarijiet fil-kuntesti differenti tagħhom.
Mistoqsi dwar il-kwalità tal-ġurnaliżmu, Lui qal li jista’ jsir xogħol aħjar kemm f’Malta kif ukoll fl-Istati Uniti. Żewġ pajjiżi li fil-fehma tiegħu jinsabu fl-istess ilma fejn tidħol il-klassifika ta’ kemm hi ħielsa l-midja.
“Nies minn madwar id-dinja jħarsu lejn l-Istati Uniti biex jaraw kif qed isir il-ġurnaliżmu hawnhekk.” Qal li hemm attenzjoni partikolari fuq l-idea tal-midja bħala dik l-industrija li suppost qed tgħasses il-Gvern u tara li l-verità dejjem qed tingħata prijorità.
“Ħu ħin biex tevalwa min qed jgħaddilek l-aħbarijiet daqs kemm iddum biex tixtri mowbajl”
Lui ġie mistoqsi dwar x’jixtieq li l-konsumaturi tal-midja jżommu f’moħħhom meta jkunu qed jaraw l-aħbarijiet. Hu qal li jixtieq li n-nies jieħdu l-istess ammont ta’ ħin biex jiddeterminaw jekk persuna tkunx ġurnalista tajba daqskemm jieħdu ħin biex jixtru mowbajl. Qal li wieħed għandu jieħu l-ħin tiegħu biex jevalwa jekk il-prodottt ġurnalistiku jkunx wieħed tajjeb jew le.
“Trid tistaqsi jekk humiex ġurnalisti etiċi u li jafu jibnu struttura” qal Lui.
Il-messaġġ ta’ Lui għal dawk li jixtiequ jsiru ġurnalisti
Minkejja l-perikli li jiffaċjaw il-ġurnalisti, Lui qal li min qed jikkonsidra li jsir ġurnalist xorta għandu jidħol f’din id-dinja tax-xogħol.
“Wieħed irid ikun lest li jaħdem qalb id-diffikultajiet li jeżistu, jiffoka fuq il-ħila ġurnalistika, u jiffoka fuq dak li hemm bżonn biex tinbena storja.”
Stqarr li wieħed irid jifhem eżatt x’inhi l-ħajja ta’ ġurnalist. Iddeskriva x-xogħol bħala wieħed iebes ħafna.

Richard Lui ilu jippreżenta l-aħbarijiet mal-MSNBC sa mill-2010. Kien qed jippreżenta waqt uħud mill-akbar aħbarijiet li l-MSNBC kienet qed tirrapporta dwarhom – fosthom ir-‘Rebbiegħa Għarbija’. Qabel ma’ beda jaħdem mal-MSNBC, Lui dam ħames snin jaħdem ma’ CNN Worldwide.