Filmat: “Għandi relazzjoni tajba ma’ Delia; kif naħsibha ngħidhielu” – Aquilina

Read in English.

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li għandu relazzjoni tajba mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, u għandu qbil miegħu biex jgħidlu dak li jaħseb, kemm jekk jaqbel u anke jekk ma jaqbilx miegħu. Żied jgħid li Delia japprezza li hu jkun onest miegħu b’dan il-mod.

Dawn il-kummenti għaddiehom Aquilina lill-ġurnalisti wara li ntemmet il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista lbieraħ, meta l-ġurnalisti staqsewh jekk hu appoġġjax lil Delia waqt din il-laqgħa, issa li rreżenja Pierre Portelli, il-Kap tal-Midja tal-PN. Aquilina ddeskriva din il-laqgħa bħala waħda “miftuħa” b'”diskussjoni aperta”, filwaqt li Delia ddeskrivieha bħala “tajba” u “kostruttiva.” Sorsi oħrajn iddeskrivew il-laqgħa bħala waħda “inkonklussiva.”

Aqra: Grupp Parlamentari PN: “Laqgħa tajba u kostruttiva”; “inkonklussiva”

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li waqt il-laqgħa, il-maġġoranza qalet lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li jew jirriżenja jew għandu jsejjaħ għal vot ta’ fiduċja mill-Kunsill Ġenerali. Delia qal lill-midja li diġà qal diversi drabi li mhux se jirriżenja u lanqas kien hemm talba biex huwa jirriżenja.

Aqra: Aġġornata: Jirriżenja Pierre Portelli

Mistoqsi jekk Delia għandux il-fiduċja ta’ Aquilina, huwa wieġeb li l-fiduċja f’Delia trid tkun ġejja mill-elettorat Malti u Għawdxi. Dwar dan, il-ġurnalisti staqsew lil Aquilina jekk jaħsibx li Delia jgawdi l-fiduċja tal-poplu, u hu wieġeb li t-tweġiba ħarġet fl-elezzjonijiet ta’ Mejju tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali. Il-ġurnalisti staqsew lill-Membru Parlamentari wkoll jekk jaħsibx li Delia għandu jirreżenja, u hu qal, “Dik deċiżjoni li jrid jieħu Adrian Delia” u “jidher li ħadha.”

Aqra: Aġġornata: Filmat: Tiħrax il-gwerra bil-kliem bejn Pierre Portelli u Karol Aquilina

Intant, fl-isfond ta’ dan kollu kienet għaddejja gwerra bil-kliem bejn Karol Aquilina u Pierre Portelli. Fi stqarrija wara l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari, Aquilina sostna li l-eks Kap tal-Midja tal-Partit Nazzjonalista qed jigdeb, filwaqt li insista li l-ebda theddid jew rikatti min-naħa ta’ Portelli mhu se jkunu qed iwaqqfuh milli jagħmel xogħlu bħala deputat tal-Partit Nazzjonalista.

Aqra: Attakki bejn Portelli u Aquilina: “Portelli qed jigdeb”

Filmat: Monique Agius