Filmat: Għandek problemi ta’ saħħa mentali? Fittex l-għajnuna

Jekk għandek problemi ta’ saħħa mentali tista’ tikseb l-għajnuna li għandek bżonn billi ċċempel lil Richmond Foundation fuq in-numru ġdid tagħhom, 1770, fejn se ssib professjonisti lesti li jisimgħuk u jagħtuk l-għajnuna li għandek bżonn.

Dan qalitu l-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Foundation Stephania Dimech Sant li spjegat kif propju s-sena l-oħra, Richmond Foundation wieġeb mal-1,600 telefonata għall-għajnuna. Spjegat kif permezz tan-numru 1770, wieħed se jsib professjonisti lesti jsimgħuh, jagħtuh l-informazzjoni li għandu bżonn u anke jiltaqgħu miegħu sabiex isibu l-aħjar mod ‘il quddiem.

150,000 Malti jsofri minn problemi ta’ saħħa mentali – Richmond Foundation

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar kemm hi importanti l-ħidma fil-qasam tas-saħħa mentali f’Malta, Dimech Sant spjegat li meta wieħed jikkunsidra li wieħed minn kull erba’ persuni xi darba jew oħra f’ħajtu se jesperjenza xi tip ta’ mard mentali, mela temmen li hija importanti immens. Sostniet li għalhekk Richmond qed jagħmel minn kollox sabiex juri lill-pubbliku s-servizzi li hemm lesti għalih u ma jibżax iċempel għall-għajnuna.

“Irridu nkunu aktar viċin iż-żgħażagħ”

Dimech Sant spjegat kif waħda mir-raġunijiet għad-dehra ġdida ta’ Richmond Foundation kienet sabiex l-idea tkun tappella iktar għaż-żgħażagħ. Qalet li wasal iż-żmien li ż-żgħażagħ jirrealizzaw li din mhix istituzzjoni antikwata, imma qed tagħti servizz kontemporanju, li ż-żgħażagħ iħossuhom komdi fih.

Bosta modi li bihom tista’ tgħin lil Richmond Foundation

Dimech Sant qalet kif hemm bosta modi li bihom wieħed jista’ jgħin lil Richmond Foundation. Wieħed jista’ jissieħeb bħala voluntier billi jsir ħbieb mal-klijenti jew jgħin fil-proġetti varji. Spjegat li l-intrapriżi jistgħu jagħtu appoġġ finanzjarju jew inkella anke jaħdmu fuq proġetti ta’ Corporate Social Responsibility sabiex jgħinu lil Richmond Foundation iżżomm ir-residenzi tagħha.

Filmat: Luke Zerafa