Filmat: “Għamilt kważi 4 snin nara lil ibni jaħrabli kuljum minn idejja” – Missier Jerome

Kenneth Frendo jgħid li l-ferita ma tfiq qatt

Kenneth Frendo, missier Jerome li ta’ 20 sena tilef il-battalja kontra l-kanċer, qal li għamel kważi erba’ snin jara lil ibnu jaħrablu kuljum minn idejh, mingħajr ma jista’ jagħmel xejn. Huwa qal li hu żbaljat min jgħid li dan iż-żmien iservi bħala żmien ta’ preparazzjoni għall-mewt, għaliex il-ferita ma tfiq qatt.

Kenneth kien wieħed mill-mistednin ta’ Prof. Andrew Azzopardi fuq il-programm tiegħu fuq 103 Malta’s Heart ilbieraħ, li l-ewwel siegħa tiegħu ffukat fuq il-mewt u diversi aspetti relatati ma’ dan is-suġġett iebes.

Missier Jerome qasam l-esperjenza tiegħu billi qal li hu kien viċin il-mewt darbtejn, f’żewġ estremitajiet: meta missieru waqa’ u miet soptu, u meta ibnu ta’ 20 sena miet wara tliet snin u 10 xhur jiġġieled kontra l-kanċer. Huwa kkumpara l-esperjenza li ħass bħala missier, jara lil ibnu jbati, bħal meta f’film ikun hemm xi ħadd jaqbeż minn ġo ajruplan bil-parachute. Madankollu, fil-każ tiegħu, il-parachute ma nfetħitx, u l-uġigħ ġarrbu kollu kemm hu – ma kienx hemm xi jtaffih.

Fil-fehma ta’ Kenneth, imbilli lil dak li jkun wasal fl-aħħar tgħidlu li wasal fl-aħħar, ma tkunx qed tgħinu. Qal li mal-ewwel dijanjosi, lil ibnu tawh tliet xhur ħajja. Hu jaħseb li li kieku lil Jerome qallu hekk, ma kienx jirnexxilu jgħix it-tliet snin u 10 xhur li għex, li fihom irnexxielu jagħmel l-A’levels u saħansitra għamel sena jistudja l-Università. L-għada li miet, fl-2017, huwa kellu jibda t-tieni sena tiegħu bħala student universitarju.

Il-missier xejjen ukoll kliem li jgħidu xi wħud lil dawk li jkun mitilhom xi ħadd, bħal “Alla għażel l-aħjar fjura,” jew “Alla tak dan is-salib għax kien jaf li tiflaħ iġġorru.” Qal li kliem bħal dan ma jagħtihx sabar. Huwa ma jemminx li kien Alla li ħadlu lil ibnu, imma li din kienet in-natura, u Alla laqgħu fi ħdanu. Fisser kif hu jemmen fil-ħajja ta’ dejjem u jemmen li għad jerġa’ jiltaqa’ ma’ ibnu Jerome.

Minkejja din it-tama, Kenneth tenna li l-ferita qatt mhi se tfiq. Semma, pereżempju, kemm kien diffiċli li jara lil ibnu jbati quddiem għajnejh u jitolbu jgħinu meta hu ma seta’ jagħmel xejn. “Taf x’terapija trid għaliha dik?” staqsa b’mod retoriku l-missier. Irrakkonta wkoll kif għal Jerome, li dejjem kien ikollu tbissima fuq fommu, mhux dejjem kien faċli li jżomm it-tama. Xi jumejn qabel miet, kien qiegħed jitkagħweġ bl-uġigħ fis-sodda u beda jistaqsi dwar fejn qiegħed Ġesù biex qed iħallih ibati b’dal-mod. Fil-pront daħal qassis, li qallu, “Emmen ħa jilqgħek.” Dak il-kliem donnu tah il-kuraġġ li kellu bżonn.

Kenneth Frendo tkellem ukoll fuq il-legat li ħalla warajh Jerome. Qal li mhux l-ewwel darba li javviċinah xi ħadd, ġieli anzjani, li jirringrazzjawh ta’ li għamel magħhom ibnu. Wara li miet Jerome, meta familtu aċċessat il-messaġġi tiegħu fuq Messenger, sabet li kien jibgħat ħafna messaġġi ta’ kuraġġ lil nies oħra għaddejjin minn żmien diffiċli minħabba l-mard. Kien jipprova jgħaddilhom messaġġ ta’ tama.

Il-familja ta’ Jerome qed tipprova żżomm din it-tama li kien jittrażmetti binhom ħajja permezz tal-għaqda Smiling with Jerome, li tgħin lil nies li qegħdin jiġġieldu l-kanċer. Bħalissa, studenti universitarji għaddejjin bil-kampanja Give Hope this Christmas, li l-qligħ tagħha se jmur għal Smiling with Jerome.

Aktar dettalji fuq l-inizjattiva
Tama mill-istudenti għal dan il-Milied

L-intervista sħiħa