Filmat: Għamilna sawma ta’ 3 xhur; issa nistgħu nirċievu l-Ewkaristija – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li wara sawma ta’ tliet xhur in-nies issa reġgħu setgħu jirċievu l-Ewkaristija fil-knejjes u jisimgħu l-Kelma ta’ Alla.

Mons. Scicluna qal dan waqt l-omelija tiegħu fil-quddiesa fis-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu (Corpus Christi). Din saret fil-Knisja Arċipretali Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir-Rabat.

“Irridu nagħmlu dan f’kuntest partikolari li jeħtieġ ħafna restrizzjonijiet biex din il-laqgħa ta’ mħabba ma twassalniex għall-mard li jġib il-mewt imma tibqa’ tieħu ħsiebna; din il-laqgħa ma’ Ġesù tibqa’ tkun espressjoni ta’ mħabba u ta’ karità,” qal l-Arċisqof.

Fakkar fi kliem San Efrem li qal li fil-ħobż ta’ Alla hemm moħbi l-Ispirtu li ma jistax jittiekel. Qal li għal San Efrem ix-xofftejn huma għeżież mhux biss għax jesprimu l-imħabba fl-intimità tal-maħbubin imma għaliex ukoll permezz tagħhom wieħed jitrejjaq bil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù.

“Kemm-il darba fil-Evanġelju smajna Ġesù jinsisti fil-bżonn li aħna nersqu lejh, nieklu Ġismu, nixorbu Demmu biex aħna jkollna l-ħajja. Għeżież ix-xufftejn ta’ kull wieħed u waħda minna u t-talba tagħna hija li x-xufftejn tagħna jkunu strument ta’ mħabba u qatt ta’ tradiment – bħalma kienu għal Ġuda – u jirċievu b’qalb safja l-Ġisem u d-Demm għeżież tal-Mulej,” qal l-Arċisqof.

Kompla jgħid li llum in-nies qed ifakkru wkoll l-għoti ġeneruż tad-demm li bih wieħed jassigura l-fejqan u l-ħajja lil ħafna nies.

“Kemm hi ħaġa sabiħa li qegħdin niċċelebraw din il-ġenerożità, tant nies li jagħtu d-demm tagħhom propju fil-ġurnata tal-Ewkaristija. Għax Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, bil-kelma tal-Missier, jittrasforma l-inbid li noffrulu f’Demmu bħalma jittrasforma l-ħobż li noffrulu fil-Ġisem għażiż tiegħu,” qal Mons. Scicluna.

L-Arċisqof ħeġġeġ lill-komunità titlob biex min fil-passat tbiegħed minn Alla jittaffew bil-preżenza tagħha fil-knejjes.