Filmat: “Għamilna kważi sentejn l-Ingilterra biex insalvawlu ħajtu” – omm Mason

“Meta Mason twieled beka ftit u ġie blù. Kellu jitqabbad ma ventilator biex jieħu nifs,” tirrakkonta Daniela Attard li proprju lejliet L-Istrina taqsam ma’ Newsbook.com.mt l-istorja tat-tifel tagħha li hi qatt ma kienet ħadet id-dar għax meta twieled spiċċa f’inkubatur u ftit wara kellu jiġi msiefer barra minn Malta fejn seta’ jingħata l-kura li kienet tiswa madwar 25,000 fil-ġimgħa.

Biex Mason jingħata l-kura kellhom iħallu kollox warajhom fejn damu kważi sentejn. Kellu jinxtara apparat apposta u kien hawn fejn daħlet il-Malta Community Chest Fund.

Mason Attard

“Imn’alla kienu huma għalina. Aħna riedna nieklu u hawn il-Malta Community Chest Fund tat l-għajnuna tagħha wkoll. Għax huma ma jgħinux biss il-pazjent iżda anke l-familjari,” spjegat Daniela.

Wara kważi sentejn fl-Ingilterra, Mason ġie lura Malta u għall-ewwel darba daħal fid-dar ta’ ommu u beda jara wkoll il-qraba tiegħu. Issa hemm bżonn ukoll li Mason ikollu miegħu nurse imħarrġa apposta biex iċ-ċkejken ikun jista’ jmur l-iskola mal-oħrajn.

Għada s-Sibt 26 ta’ Diċembru se titella’ l-edizzjoni li jmiss ta’ L-Istrina li l-pubbliku huwa mħeġġeġ aktar minn qatt qabel jgħin.

“Dik in-naqra li wieħed jagħti tfisser ħajja,” tgħid Daniela.

Segwi l-istorja ta’ Mason fl-intervista li ssibu f’din il-paġna.

Intervista: Frederick Zammit

Muntaġġ: Sarah Salafia