Filmat: Għall-Ministri kollox sew; għall-Awditur mhux

Filwaqt li għall-Ministri tal-Gvern Laburista jidher li m’hemmx għalfejn wieħed jinkwieta dwar il-powerstation tal-Electrogas, l-Awditur Ġenerali sab diversi nuqqasijiet fil-proċess tal-għoti tal-kuntratt lill-Electrogas fl-2013 biex din il-kumpanija setgħet tibda tforni lin-netwerk tal-elettriku Malti.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi qal li l-proċess kien wieħed korrett. Qal li punt fejn m’hemmx qbil mal-Awditur huwa dwar l-irħas prezz tal-enerġija – jekk hux mill-interconnector jew mill-powerstation.  L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika sab li d-dawl mill-interconnector kien se jkun irħas mid-dawl li qed jiġi mill-powerstation il-ġdida tal-Electrogas. 

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li l-Awditur Ġenerali ma sab l-ebda evidenza ta’ korruzzjoni. Qal li għalkemm issemmew irregolaritajiet, dawn kienu nuqqasijiet amministrattivi li ma jfissrux li kien hemm korruzzjoni. Żied jgħid li r-riżultati kienu ġusti u li kollox jindika li dejjem kien se joħroġ l-istess riżultat. Semma’ wkoll li r-riżultat ta’ dan kollu huwa kontijiet orħos għall-Maltin.

Fi stima konservattiva li ġiet ikkalkulata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika nstab li l-enerġija ġġenerata mill-powerstation tal-Electrogas tiswa medja ta’ €50.64 iktar għal kull unit li jasal mill-interconnector ta’ bejn Malta u Sqallija.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Deo Debattista  qal li l-proċeduri kollha ġew segwiti imma qal li l-Gvern mhux perfett. Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri qal li bħalissa huwa aktar iffukat biex iġib ix-xogħol lejn Malta. Fi kliemu, ir-rapport tal-Awditur ġab fix-xejn l-argument tal-Partit Nazzjonalista li kien hemm il-korruzzjoni. Qal ukoll li qatt ma sema’ b’xi rapport tal-awditjar li jgħid li jkun nstab li kollox huwa perfett.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum, il-Ministru Ian Borg qal li llum il-prezz tal-interconnector fil-ħinijiet bejn is-6 pm u l-10 pm huwa ta’ €129 kull Mgwh. Qal li l-prezz tal-powerstation huwa ta’ €78 kull Mgwh.

Filmat: Monique Agius