Filmat: Għaliex qed jipprotestaw?

Kien bosta d-dimostranti li lbieraħ tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u spjegaw ir-raġuni għaliex iddeċidew li jmorru l-Belt Valletta jipprotestaw.

Il-maġġoranza tal-persuni sostnew li ddeċidew li joħorġu fit-toroq sabiex jaraw li l-korruzzjoni tispiċċa. Oħrajn irrimarkaw li din is-sitwazzjoni kurrenti qanqlet rabja kbira fihom u qed jittamaw għal żmien aħjar. Din ir-rabja spikkat ilbieraħ hekk kif il-Prim Ministru Joseph Muscat ħareġ mill-bini tal-Parlament

Fost il-persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt kien hemm Andre Callus, minn Moviment Graffitti, li sostna li s-sitwazzjoni kurrenti hija gravi immens. Irrimarka li r-riżenji, partikolarment dik taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri messhom ilhom li seħħew.

ntant, student universitarju qal li wara l-aħħar żviluppi jemmen li huwa inaċċettabbli li wieħed joqgħod id-dar jaqra l-aħbarijiet. Insista li issa wasal iż-żmien li l-pubbliku juri li huwa mxebba’ b’dak li qed jiġri u li jrid li ssir ġustizzja.

Quddiem il-Parlament ilbieraħ filgħaxija ddominat ir-rabja kbira tal-folla, b’mod speċjali mal-ħarġa tal-Prim Ministru Joseph Muscat, flimkien ma’ għadd ta’ Membri Parlamentari minn naħa tal-Gvern mill-binja tal-Parlament. Dawn ħarġu waqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien għadu qed jagħmel id-diskors tiegħu.