Filmat: Għaliex m’għandekx tgħannaq lill-kelb tiegħek?

Jekk għalik tgħanniqa tfisser turijja ta’ mħabba, għall-kelb tiegħek dan il-ġest ifisser xi ħaġa negattiva. Dan qalitu Eleonora Capobianco, li hija Pet Therapist u Behaviorist f’intervista ma’ Newsbook.com.mt.

Capobianco, hija terapista tal-annimali li taħdem b’mod differenti. Minflok teduka lill-klieb waħedhom, ix-xogħol ta’ Capobianco huwa aktar edukazzjoni lill-familja jew il-persuna li tkun addottat kelb partikolari biex tgħallem lill-bniedem jifhem eżatt il-bżonnijiet u l-karatteristiċi partikolari tal-kelb li jkun adotta.

Spjegat li x-xogħol tagħha huwa li tgħin lill-bnedmin jifhmu lill-klieb tagħhom u tgħallem “il-lingwa tal-klieb”. Insistiet li l-klieb m’għandhomx bżonn taħriġ f’iżolament. Qalet li t-taħriġ ifisser li tgħallem lil xi ħadd xi ħaġa li ma jafx jagħmel. Irrimarkat li meta lill-klieb ngħallmuhom ipoġġu (sit) mhux qed ngħallmuhom jagħmlu xi ħaġa li ma jafux jagħmlu. Qalet iżda li nkunu qed insibu kelma komuni biex nikkomunikaw xi ħaġa lill-kelb u dan jifhima.

Irrimarkat li s-sitwazzjoni mbagħad tinbidel jekk xi ħadd ikun irid jgħallem lill-kelb tiegħu jixgħel u jitfi d-dawl. Qalet li hawn jidħol it-taħriġ għax din mhix xi ħaġa li jagħmlu naturalment.

“Il-klieb kapaċi jagħmlu ħafna affarijiet u anke affarijiet li ma nifhmux aħna għax jew ma jfissru xejn għalina, jew inkella jfissru kompletament l-oppost u ma aħna nifhmux din il-ħaġa,” sostniet Capobianco.

Hi tat eżempju komuni li jħobbu jagħmlu ħafna: it-tgħannieqa. Qalet li filwaqt li din hija xi ħaġa pożittiva għall-umani, għax biha qed turi mħabba, ħafna mill-klieb jaraw dan il-ġest bħala aggressjoni. Spjegat li xi kultant, minħabba li għalihom dan il-ġest għandu konnotazzjoni negattiva, jispiċċaw jirreaġixxu għax iħossu li qed ikunu attakkati u b’hekk l-istint jgħidilhom jiddefendu lilhom innifishom. Kompliet tgħid li meta jirreaġixxu b’dan il-mod, il-bnedmin ma jifhmux għala għax għalihom qed juru ġest ta’ mħabba.

“Allura hemm sitwazzjonijiet differenti bħat-tip li joħolqu problemi. Jiena xogħoli huwa li nuri x’qed jiġri ħażin u kif wieħed jista’ jevita milli jispiċċa f’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet,” qalet Capobianco.