Filmat: “Għalfejn lilu ħallastu dollaru u lili 50ċ?”

F’April, il-Papa Franġisku qal li hu skandlu li nisa li jagħmlu l-istess xogħol ta’ rġiel, jitħallsu inqas. U sfortunatament din hija realtà li għadha magħna sal-lum, anke f’pajjiżi moderni.
Dokument maħruġ mill-Unjoni Ewropa fl-2014 juri bħala medja, in-nisa fil-pajjiżi tal-UE jaqilgħu madwar 16% inqas milli jaqilgħu l-irġiel, avolja jkunu għamlu eżattament l-istess xogħol.
Din id-differenza fil-pagi (il-gender pay gap) tvarja minn pajjiż għal ieħor. F’pajjiżi bħal Malta, l-Italja u l-Lussemburgu hi inqas minn 10% filwaqt li f’pajjiżi bħall-Ungerija, is-Slovakja u anke l-Ġermanja, id-differenza hi iktar minn 20%.
Filmat ħelu ġdid maħluq minn grupp li jikkampanja favur id-drittijiet ugwali bejn in-nisa u l-irġiel juri appuntu dan. Fil-filmat jidhru erbat itfal ibigħu l-luminata, tlieta tfajliet u tifel.
Il-filmat juri kif minkejja li l-luminata kienet qed tinbigħ għal dollaru, it-tifel dejjem jaqla’ dollaru, iżda t-tfajliet dejjem jaqilgħu inqas. Juri wkoll kif l-adulti m’għandhomx tweġiba għal meta t-tfal isaqsu għalfejn mhumiex qed jitħallsu l-istess ammont u sempliċiment jgħidu li “Minn dejjem hekk kienet is-sistema.”