Filmat: Għalfejn Eliana trid issir tabiba li tispeċjalizza fid-dijabete?

Sibtek specjali fil-weekend tal- karnival 🎡 #sibtek #karnivalmalti

Posted by Sibtek on Sunday, February 16, 2020

Kuluri, kostumi u daħk jiddomina l-program Sibtek tal-lum li jixxandar fis-12.45pm fuq TVM.

L-edizzjoni tal-lum hi waħda speċjali tal-karnival fej  se niltaqgħu ma’ ħafna atturi li nafuhom tfal u llum  qegħdin jikbru bħal Luca Magro, Aiken Buhagiar, Geordie Schembri li kollha se naraw x’sar minnhom u niskopru kurżitjajiet li ma konniex nafu dwarhom.

Geordie se tkun filfatt qed iġġedded il-memorja tagħha mis-sensiela Iċ-Ċaqqufa li tant kienet kisbet suċċess u li qed jingħad li bħalissa qed jinkitbu puntati ġodda, għalkemm ma hemmx konferma fuq liema stazzjon se tkun qed tixxandar.

Matul dan il-programm niltaqgħu ma’ Eliana Gomez Blanco l-aħħar rappreżentanta Maltija fil-Junior Eurovision. Hi se tkun qed titkellem dwar il-fissazzjoni li għandha fuq Harry Potter u tiżvela li la tikber tixtieq issir tabiba li tispeċjalizza fil-kundizzjoni tad-diabete minħabba li hi minn età żgħira kienu saru jafu li għandha l-istess kundizzjoni.

L-iżgħar mistiedna tal-lum jisimha Emma Camilleri u għandha 10 snin biss u diġà għandha d-delizzju li ssajjar il-ħelu u waqt Sibtek se tirrakkonta kif il-ħolma tagħha saret realtà.

U fuq kollox tgħid x’se jilbsu Ryan u Josmar għall-karnival?

U bilħaqq ma nistgħux ninsew lil Rocco li donnu se jkun qed jiċċelebra wkoll il-karnival.