Filmat: “Għala għandu jivvinta dwar l-abbuż xi ħadd ta’ 13-il sena?”

Waqt konferenza dwar l-abbuż sesswali tat-tfal, kien hemm diversi kelliema, fosthom il-psikoterapista Dr Joe Cassar li kkwota wkoll x’qalulu vittmi ta’ dawn l-abbuż. Bħala kelliema mistiedna titkellem dwar is-suġġett, kien hemm preżenti Monica Hanaway, li tat kumment esklussiv lill-Newsbook.com.mt.

Hija tkellmet dwar kif l-istruttura u l-pjan t’azzjoni rigward l-abbuż tat-tfal f’Malta irid jiġi fformulat. Hanaway hija psikoterapista u medjatriċi akkredita fl-Ingilterra. Hi kienet il-kap ta’ dipartiment tal-gvern fl-Ingilterra li jieħu ħsieb familji, żgħażagħ u komunitajiet. Bħala terapista, hija taħdem ma’ dawk li jabbużaw kif ukoll l-abbużati. Hi qalet li din l-istruttura tista’ tinħadem biss jekk ikun hemm komunikazzjoni ċara bejn dipartimenti differenti, li jkunu qed jaħmu id f’id. Żiedet tgħid li l-konferenza li ġiet għaliha f’Malta hija l-bidu ta’ dan id-djalogu, u li minn hemm Malta tista’ taħseb fuq pjan t’azzjoni fuq pedament tajjeb.

Il-konferenza li semmiet kien jisimha ‘Forensic Formulations in Child and Adolescent Abuse Conference’, li saret bl-għan li jibda djalogu dwar l-abbuż sesswali fuq it-tfal fil-gżejjer Maltin. Kien hemm diversi kelliema waqt il-konferenza, fosthom il-psikoterapista Dr Joe Cassar.

Huwa tkellem fuq l-istess tema ta’ Hanaway, hekk kif qal li Malta għadha lura meta tikkonsidra n-nuqqas ta’ gwida dwar ħidma bejn dipartiment differenti għas-sigurtà ta’ tfal, partikolarment meta tikkumparahha ma’ pajjiżi oħra Ewropej.

Waħda mill-iktar mumenti b’saħħithom fid-diskors tiegħu kien meta beda jikkwota affarijiet li qalu l-vittmi t’abbuż sesswali. “Għala għandu jivvinta xiħadd ta’ 13-il sena?”; “Is-servizzi soċjali kienu jsaqsuni affarijiet li juru li jafu x’qed jiġri”; “Jekk dawk li jabbużaw kapaċi jsibu it-tfal il-vulnerabbli, kif ma jirnexxielhomx professjonisti?”Huwa kkonkluda billi qal li din il-konferenza għandha toħloq bidu ta’ djalogu dwar dawn l-affarijiet.

Kelliem ieħor, Spettur tal-Pulizija John Spiteri, tkellem fuq diversi affarijiet li jaffaċċjaw il-Pulizija rigward dan is-suġġett, inkluż akkużi foloz, tfal li jiġu affetwati minn suġġerimenti ta’ x’għandhom jgħidu, tfal li jigdbu meta jgħidu li ma ġarax abbuż, u problemi fl-investigazzjoni li jirriżultaw li ma jistgħax isir arrest. Huwa kkonkluda billi qal li hemm ħafna affarijiet li jridu jitranġaw, iżda li jinsab ottimist li xogħolhom jista’ jsir aħjar billi jitgħallmu minn kulħadd.

Mark Musu, li kien preżenti minflok il-Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, tkellem fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Ministeru tiegħu dwar dan is-suġġett, fosthom diversi policies u servizzi ta’ terapija u għajnuna.

Il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli qalet li l-prinċipji speċifiki huma bbażati fuq 3 Ps; Promozzjoni, Protezzjoni u Parteċipazzjoni. Il-fatt li t-tfal jingħataw leħen hija kruċjali.

Id-Direttur tal-Operazzjonijiet f’Aġenzija Appoġġ Ruth Sciberras iddettaljat il-metodi u xeni li huma l-iktar komuni fil-każ ta’ dan l-abbuż.