Filmat: Għal xi jiem l-imwiet kienu aktar mis-sena l-oħra – Prof. Gauci

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li għal xi jiem f’Malta kien hemm żieda fin-numru ta’ imwiet meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika kienet qed twieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt waqt il-konferenza tal-aħbarijiet bl-aġġornamenti ta’ kuljum dwar il-coronavirus.

Prof. Gauci qalet li l-awtoritajiet ikunu qed isegwu n-numru ta’ dawn l-excess deaths. Dan isir billi jqabblu man-numru ta’ imwiet f’perjodu mal-istess perjodu ta’ sena oħra.

Spjegat li kien hemm perjodu ta’ ftit ġranet li n-numru ta’ imwiet li ma kinux relatati mal-coronavirus kien akbar minn dak tas-sena l-oħra fl-istess perjodu.  Żiedet tgħid li Malta issa reġgħet marret fir-rata normali.

Għalfejn jiġri dan?

Prof. Gauci qalet li jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għalfejn jiġri dan. Qalet li waħda mir-raġunijiet tista’ tkun li peress li Malta hija żgħira, devjanza fl-imwiet anke b’persuna waħda, jaf tħalli impatt fuq l-istatistika.

Ilbieraħ il-Financial Times qalet li r-rata ta’ imwiet tal-COVID-19 tista’ tkun sa 60% aktar milli kif qed jiġi rrappurtat. Din iċ-ċifra ħarġet minn analiżi ta’ excess deaths li għamlet l-istess gazzetta.

Dawk in-nies li jridu li jiġu ttestjati għall-coronavirus jistgħu jagħmlu appuntament billi jċemplu l-111 anke jekk ma jkollhomx sintomi. Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt persuni involuti fil-proċess tal-iswabbing ġew infurmati li nies li m’għandhomx sintomi tal-COVID-19 jistgħu xorta jagħmlu appuntament għat-test. Dan isir billi jċemplu fuq il-helpline tal-Gvern 111.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn