Filmat: “Għal xi ħadd determinat, xejn mhu impossibbli” – Dr Adrian Delia

Neil Agius jirrapreżenta dak kollu li hu possibbli meta xi ħadd jmexxi ‘l quddiem kawża b’passjoni, dan wara li wettaq l-għawma bejn Sqallija u Malta magħrufa bħala #waveofchange, kampanja kontra t-tniġġis tal-plastik biex iqajjem kuxjenza dwar l-impatt ambjentali tar-rimi tal-plastik fil-baħar, u biex iżid l-għarfien sabiex in-nies inaqsu l-iskart tal-plastik. 

Il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-PN Adrian Delia huma fuq quddiemnett fil-ħidma favur l-ambjent u l-irwol li għandna kull wieħed fil-ħarsien tiegħu. Dan kien ukoll il-punt ewlieni li ġie diskuss matul il-laqgħa bejn Adrian Delia u Neil Agius. Dr Delia faħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni li wera Neil Agius biex jilħaq l-għan tiegħu li titqajjem kuxjenza dwar baħar iktar nadif. Huwa rringrazzjah, kif ukoll lil nies oħrajn li bid-diversi inizjattivi li jorganizzaw qegħdin iqajmu kuxjenza dwar uġġetti li jistgħu biss jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies.

Min-naħa tiegħu Neil Agius rringrazzja lil Adrian Delia għal din l-isttedina biex tiġi rikonoxxuta din l-inizjattiva #waveofchange, qal li jittama li l-poplu kollu jifhem aktar l-obbligu li kull wieħed u waħda minna għandu, u b’azzjonijiet żgħar nistgħu nagħmlu l-ambjent ta’madwarna aktar sabiħ u aħjar. Huwa qal li l-istess sport għallmu jikber f’persuna li tgħożż il-valuri ewlenin, li l-isport jista’ jagħtik.

Robert Cutajar tkellem dwar il-kampanja nazzjonali li ġiet mnedija waqt konferenza nazzjonali tal-isport organizzata mill-PN il-ġimgħa li għaddiet, fejn numru ta’ atleti minn diversi dixxiplini u personalitajiet oħra se jingħaqdu flimkien sabiex iwasslu messaġġ komuni favur l-għarfien għal iktar kultura sportiva f’pajjiżna kif ukoll dwar il-valuri li l-isport jista’ joffri sabiex b’mod ħolistiku jkollna soċjetà aktar b’saħħitha f’kull sens mhux biss illum iżda wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Għal din il-laqgħa ma’ Neil Agius, li ġie ppreżentat ukoll b’tifkira tal-okkażjoni, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar u ċ-Chairman ta’ Tim Sport PN Robbie Ebejer.

Din l-istqarrija hi maħruġa mill-Partit Nazzjonalista.