Filmat: Għal għonq it-triq lejn ir-Ramla… imma x’hemm?

Alessio Sultana

Ġeneralment fix-xhur tax-xitwa l-bajjiet ikunu baħħ, iżda fil-Milied l-inħawi tar-Ramla f’Għawdex se jilbsu libsa differenti. Dan minħabba li t-triq lejn ir-Ramla se tiġi mibdula f’rappreżentazzjoni tan-Natività, bi presepju ħaj drive thru. Il-presepju ħaj organizzat mill-komunità tan-Nazzarenu fix-Xagħra, ħa jibda mill-għada tal-Milied is-26 ta’Diċembru u jibqa’ għaddej sad-29 ta’ Diċembru bejn il-5pm u 9pm. Se jieħdu sehem diversi atturi. Il-passiġġiera jridu jibqgħu ġol-karozza filwaqt li jgawdu x-xeni tal-Milied.

Franco Tabone

Dun Anton Refalo, ir-Rettur tal-Knisja ta’ Ġesu Nazzarenu saħaq li permezz ta’ dan il-presepju se jasal il-messaġġ ta’ paċi, sliem u ferħ.

L-entratura tal-presepju ħaj se tkun min-naħa ta’ Għajn Qasab in-Nadur u kull lejl se jkunu jistgħu jidħlu mal-120 karozza. L-entratura hija bla ħlas.

Irid ikun hemm tal-inqas żewġ passiġġiera ġol-karozza li jridu jkunu lebsin maskla, hekk kif se jkunu qed jittieħdu l-miżuri kollha tal-Covid-19.

Marvic Bajada, wieħed mill-organizzaturi,spjega ma’ Newsbook.com.mt kif ħa jkun imqassam dan il-presepju drive thru.

Il-presepju ħaj fix-Xagħra ilu jsir għal dawn l-aħħar 20 sena.  L-ewwel presepju ħaj f’Għawdex kien sar fix-Xagħra organizzat miż-żgħażagħ tal-Guiding Light,  u għal sena oħra se jerġa’ jinbidel f’villaġġ tal-Milied jew kif inhu magħruf, bħala ‘ir-raħal tal-presepju’. Is-sena l-oħra fix-Xagħra kien hemm madwar 30 presepju artistiku, kemm mekkaniċi kif ukoll statiċi.

Il-presepju ħaj drive thru qiegħed jiġi organizzat mill-għaqda taż-żgħażagħ tan-Nazzarenu l-Guiding Light b’kollaborazzjoni mal-Ministeru t’Għawdex.

Il-Milied fix-Xagħra
Il-Milied fix-Xagħra Għawdex