Filmat: Għajta Waħda – kunċert ta’ għaqda nazzjonali

Stqarrija mill-uffiċju tal-President, mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali u l-arti, il-Gvern lokali, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.

Diversi artisti lokali ngħaqdu flimkien biex jipproduċu erba’ kunċerti virtwali bl-isem Għajta Waħda u dan sabiex jippromwovu u jħeġġu l-għaqda nazzjonali. Uħud minn fost l-aqwa talent lokali ser ikunu qegħdin joffru ġeneri mużikali differenti, fosthom b’mużika popolari u produzzjonijiet klassiċi li jpaxxu l-widna.

Il-President George Vella faħħar din l-inizjattiva għax qal li l-mużika hija l-isbaħ lingwa li biha wieħed jista’ jikkomunika ma’ kulħadd u rringrazzja lill-entitajiet kollha kkonċernati li qed itellgħu dawn il-kunċerti, li għandhom ukoll l-appoġġ tal-Arċisqof. 

Il-President Vella żied jgħid filwaqt li n-nies se jitpaxxew bit-talent lokali, se jintalbu juru solidarjetà ma’ dawk il-persuni fil-bżonn. It-talbiet tal-Malta Community Chest Fund Foundation dejjem jiżdiedu u għaldaqstant appella biex in-nies ikunu ġenerużi ma’ din il-fondazzjoni.

L-artisti li se jieħdu sehem fl-erba’ kunċerti ta’ siegħa, fl-isfond ta’ xenarju sabiħ ta’ pajjiżna u messaġġi ta’ tama u kuraġġ mill-President, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Arċisqof, persuni prominenti oħra u l-pubbliku ġenerali.

DOI / Reuben Piscopo

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera sostna li, “huwa ta’ pjaċir li ninnota kif għalkemm qegħdin ngħixu fi żmien ta’ sfida, dawn l-isfidi qegħdin bħala poplu nibdluhom f’opportunitajiet. Permezz ta’ ‘Għajta Waħda’ rridu nkomplu nsaħħu l-messaġġ ta’ għaqda nazzjonali biex noħorgu minn din l-imxija b’saħħitna.” Huwa tenna li l-istrateġija li qiegħed jadotta l-ministeru flimkien mal-entitajiet li jaqgħu taħtu huwa li jgħin u jixpruna t-talent lokali skont iċ-ċirkustanzi tal-lum.

DOI / Reuben Piscopo

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha lejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li r-rwol tagħha hu li matul is-sena tagħti s-sostenn tagħha lill-kunċerti tal-ogħla livelli kif għamlet proprju f’din l-inizjattiva. Qalet li permezz tal-media soċjali se tingħata promozzjoni lil pajjiżna mat-turist biex Malta jkun l-ewwel pajjiż li jżur wara l-Covid-19. Temmet tgħid li permezz tax-xandir ta’ dawn il-kunċerti l-poplu Malti u Għawdxi se jkollu l-opportunità li jsegwi wkoll talent lokali.

L-ispettaklu se jikkonsisti f’mużika minn bands, fosthom il-Brass House Unit, Daniel mill-Big Band Brothers, Sterjotipi, The Crowns, The Busker, Relikc, Chris Grech, Raquela, Ozzy Lino, Amber, Gloriana, Ludwig Galea fost oħrajn. Membri tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jdoqqu siltiet mużikali pjaċevoli f’kull kunċert waqt li entitajiet kulturali lokali ser iżidu wkoll mal-valur artistiku ta’ dawn il-kunċerti nazzjonali.

Din l-inizjattiva hija organizzata minn Festivals Malta bi produzzjoni ta’ Quinton Scerri, Tiziana Calleja u Jonathan Pace.

DOI / Reuben Piscopo

Il-kunċerti ‘Għajta Waħda’ qegħdin jiġu ppreżentati lill-pubbliku taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta George Vella. Dawn il-kunċerti ser jixxandru mill-Ħadd 17 ta’ Mejju fid-9pm fuq newsbook.com.mt, l-istazzjonijiet TVM, ONE, NET u 103, kif ukoll fuq il-mezzi soċjali ta’ Festivals Malta, Visit Malta, Kultura Malta, il-paġna uffiċjali ta’ informazzjoni dwar il-Covid-19 f’Malta u l-Malta Community Chest Fund Foundation.

Il-poplu Malti u Għawdxi ser jintalab jagħmel ġest nobbli u jagħti għotja lill-Malta Community Chest Fund Foundation permezz ta’ SMS fuq 50619201 – €11.65; 50618918 – €6.99; 50617596 – €2.33; Għal aktar dettalji idħol fis-sit www.mccf.store.