Filmat: Għajnuna legali b’xejn għall-vittmi tal-vjolenza domestika

Il-vittmi tal-vjolenza domestika se jingħataw għajnuna legali speċjalizzata b’xejn mill-Ministeru għall-Ġustizzja.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li s-servizz se jitmexxa mill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali. Intqal li l-assistenza legali bla ħlas lill-vittmi tal-vjolenza toħroġ mill-Att dwar il-Vjolenza Domestika u Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru fil-Liġijiet ta’ Malta, implimentati minn dan il-Gvern f’Mejju tal-2018.

Il-Ministeru qal li aktar nies ġew esposti għall-vjolenza domestika waqt il-pandemija tal-coronavirus.

“Din l-inizjattiva, li se ssaħħaħ servizz eżistenti, hija ntiża sabiex tgħin aktar lill-vittmi tal-vjolenza domestika f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji u tingħata assistenza legali ta’ kwalità effettiva,” qal il-Ministeru.

Se jitniedu numru għall-assistena immedjata 24 siegħa kuljum. Persuna li ċċempel tingħata appuntament sa ftit sigħat wara ma’ avukat speċjalizzat f’dan il-qasam. Din l-assistenza legali se tkun bla ħlas.

Ġew ingaġġati numru ta’ avukati biex joffru dan is-servizzi mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mid-9:00am sat-3.30pm.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar sostnew li din hija miżura oħra fost katina ta’ miżuri sabiex tingħeleb il-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika, speċjalment fiż-żminijiet straordinarji u bla preċedent li qed naffaċċjaw bħalissa. Intqal li din l-inizjattiva nibtet waqt video-conference mal-MEP Miriam Dalli dwar is-suġġett tal-vjolenza domestika.

It-talba għall-għajnuna tista’ tintalab fuq:

Email: domesticviolence.legalaidmalta@gov.mt
Mobile: 7974 7974 (24 siegħa)
Telephone:  2567 4330 (9am – 3:30pm, mit-Tnejn sal-Ġimgħa)