Filmat: “Għajnejn id-dinja fuqek” – eluf jipprotestaw fl-Iran

Fl-Iran in-nies niżlu bl-eluf jipprotestaw f’diversi bliet u rħula madwar il-pajjiż minħabba prezzijiet għolja wisq.
Il-protesti bdew il-Ħamis fil-belt ta’ Mashhad, u malajr infirxu sa Tehran, il-kapitali Iranjana, sal-bieraħ.
In-nies bdew jimmiraw ir-rabja tagħhom lejn il-President tal-pajjiż, Hassan Rouhani, u madwar 52 persuna ġew arrestati l-Ħamis minħabba slowgans deskritti ħorox mill-gvern.                  
Il-midja internazzjonali qed tgħid li fl-Iran ma kienx hemm skuntentizza pubblika daqs din sa mill-2009, meta n-nies kienu pprotestaw għal aktar riformi.
Dakinhar in-nies kienu pprotestaw għax kien reġa’ tela’ fil-poter il-Gvern konservattiv ta’ Mahmud Ahmedinejad.
Sadanittant il-Gvern qal li jemmen li wara dal-protesti hemm persuni ta’ kontra l-Gvern. Il-Viċi-President Eshaq Jahangiri sostna li n-nies qed iġibu l-iskuża tal-ekonomija, iżda hemm xi ħaġa oħra tberren wara dan kollu.

“Għajnejn id-dinja fuqek” – l-Istati Uniti
L-Istati Uniti ddeċidiet li ma toqgħodx barra minn din, u fl-ewwel kummenti mill-White House intqal li għajnejn id-dinja kollha jinsabu fuq l-Iran biex jaraw kif se jindirizza din l-iskuntentizza.
Il-White House kompliet tgħid li, skontha, l-Iranjani mxebbgħin sal-ponta ta’ mneħirhom bil-korruzzjoni tar-reġim tal-pajjiż, li l-Amerka ddeskriviet bħala korrott u li jiffinanzja t-terroriżmu bi flus il-poplu.
Filmat: BBC