Filmat: Għajjat u storbju waqt il-laqgħa tal-Eżekuttiv; “kollox jibqa’ intern”

Read in English.

Wara li l-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ntemmet b’ħafna għajjat u storbju li seta’ jinstema’ mit-triq, bosta Membri Parlamentari, Ewroparlamentari u membri tal-Partit Nazzjonalista rrifjutaw li jgħidu għaliex sar daqshekk storbju.

Għadd ta’ ġurnalisti, fosthom dawk ta’ Newsbook.com.mt ippruvaw jieħdu kummenti mingħand bosta partitarji li ħarġu mil-laqgħa, għaldaqstant il-kummenti tal-maġġoranza kien wieħed u komuni: “dak li jiġi diskuss fl-eżekuttiv, jibqa’ fl-eżekuttiv”. Dan wara li mit-triq instemgħu xi persuni li waqt il-laqgħa bdew jgħajjtu u jgħidu “imisskom tistħu”.

Aqra: Jibda jitlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-PN

Kienu ftit dawk li waqfu jitkellmu mal-media, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Hu sostna li waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari li mistennija ssir illum, sa fejn jaf hu, mhu se jittieħed l-ebda vot dwar l-ultimatum li allegatament ingħata mill-Membri Parlamentari sabiex jirriżenja mill-irwol tiegħu bħala kap tal-partit. Sostna li bħalissa l-importanza hija li ssir diskussjoni libera, serja u importanti hekk kif il-PN irid jara li jwettaq it-tibdiliet neċessarji biex jipprepara ruħu għall-elettorat.

Meta mitlub jikkummenta aktar f’dettal dwar l-ultimatum irrappurtat fil-media lokali, Delia sostna li dak li jiġi diskuss fil-kumitati għandu jibqa’ hemm sabiex kulħadd jibqa’ jħossu liberu li jesprimi l-opinjonijiet tiegħu.

Intant, il-President ta’ Team Start, waħda mill-fergħat taż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qal lill-media li Delia ma għandux jirreżenja. Thomas De Martino sostna li normalment elezzjonijiet tal-parlament Ewropew ma jitteħidx vot ta’ fiduċja warajha.

Aqra: Kieku l-MPs kienu kollha wara Delia kien jinżamm it-3 siġġu – President Team Start

Illum jiltaqa’ l-Grupp Parlamentari

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Grupp Parlamentari tlaqqa’ darbtejn, bit-tieni sessjoni ddum sas-2am. Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt dakinhar, il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari esprimew li jkun aħjar għall-partit jekk Delia jirriżenja.

Aqra: Għada l-Eżekuttiv; it-Tlieta l-Grupp Parlamentari – x’se jiddiskutu?

It-Times of Malta, kienet irrappurtat li Delia għandu sal-lum biex jiddeċiedi dwar il-futur tiegħu fil-partit. Skont il-ONE, dan kellu jsir sas-Sibt f’12pm. Min-naħa l-oħra, skont The Malta Independent, il-Grupp Parlamentari llum mhux se jiddiskuti r-riżenja minn Delia, iżda li wħud mill-MPs qed jistennew “proposti konkreti”.

Filmat: Monique Agius