Filmat: Għadu mhux magħruf meta u fejn se jitniżżlu l-immigranti – Sea Watch

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tiddiskuti mal-pajjiżi Ewropej biex l-immigranti jitqassmu bejniethom, iżda ma jistax jintlaħaq qbil dwar il-post fejn l-immigranti jistgħu jinżlu mill-bastiment.

Dan ingħad waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċċju tal-organizzazzjoni Integra fil-Belt Valletta, li għaliha kienet preżenti l-midja Taljana wkoll.

Giorgia Linardi l-kelliema għal Sea Watch qalet li Berlin, Bremen u Ħamburg lesti li jilqgħu lill-immigranti fosthom. Dawn il-bliet huma parti mill-moviment SeeBurcke.

Linardi spjegat lill-midja Taljana li Lampeduża kienet l-eqreb port għalihom, eqreb minn Malta.

Hija qalet kif fost dawn l-immigranti li ġew salvati fit-22 ta’ Diċembru hemm erba’ nisa, erba’ minuri mhux akkumpanjati u erbat itfal. Dawn ilhom aktar minn ħmistax fuq il-baħar.

S’issa għadu ma kienx hemm informazzjoni dwar meta jew fejn dan il-vapur se jittrakka u jniżżel dawk abbord. Hija qalet lil dawk preżenti li l-vapur Sea Watch qed jippromwovi mod strutturali kif jindirizza dan il-fenomenu u ma jistax jiġi injorat jew iħalli lill-Istati Membri biss jindirizzaw din il-problema.

Intant il-kelliem għall-Flotta Libjana, Ayoub Qassim, qal li l-komunità internazzjonali qed tipprova tagħmel pressjoni fuq il-Libja biex din tieħu responsabbiltà tal-immigranti irregolari li jinsabu abbord Sea-Watch 3, ftit ‘il bogħod minn Malta. Huwa insista li l-Libja mhix se ddaħħal immigranti li ma ġewx salvati mill-gwardjani tal-kosta Libjana.

Il-Libja tinsisti li mhux se ddaħħal l-immigranti fuq Sea-Watch 3