Filmat: “Għadna nsibu tfal isuqu d-dgħajjes”

L-uffiċjal tas-sigurtà tal-portijiet Patrick Pollacco qal li għadhom jiltaqgħu ma’ tfal isuqu d-dgħajjes fuq il-baħar.

Patrick Pollacco huwa inkarigat mis-sigurtà tal-portijiet u jmexxi t-taqsima tal-infurzar marittimu. Qal li wieħed jista’ jikkompara dan ix-xogħol fuq il-baħar ma’ dak tal-Pulizika tat-traffiku fuq l-art.

Ma’ Newsbook.com.mt Pollacco spjega kif l-uffiċjali jkunu għassa għal sewqan tad-dgħajjes traskurat, speċjalment dak b’veloċità eċċessiva. Spjega kif wieħed ma jistax jaqbeż l-10 knots (madwar 20 kilometru fis-siegħa) jekk ikun inqas minn 200 metru ‘l bogħod mill-kosta. Żied jgħid li din hija l-aktar liġi li tinkiser.

“Għadna niltaqgħu ma’ tfal isiqu dgħajjes. L-ebda minuri ma jista’ jsuq opra tal-baħar” spjega Pollacco li stqarr li s-sewqan tad-dgħajjes taħt l-influwenza tax-xorb hija wkoll problema li jiltaqgħu magħha. Spjega li testijiet bil-breathalyser isiru “meta tinħass il-ħtieġa”.

Pollacco qal li l-preżenza ta’ Transport Malta żdiedet b’mod konsiderevoli fuq il-baħar. L-uffiċjali jistgħu jħarrku lil min jwettaq xi kontravenzjoni. L-opra tal-baħar tista’ tiġi konfiskata wkoll.

X’għandek tagħmel qabel ma’ tbaħħar?

Pollacco kellu wkoll xi ftit pariri żgħar għal min ikun ħiereġ bid-dgħajsa, fosthom li:

  • Tkun familjari ma’ kif taħdem id-dgħajsa
  • Tara kif se jkun it-temp meta titlaq u tiġi lura
  • Iżżomm id-dokumenti neċessarji fuqek
  • Radju VHF jista’ jgħin f’emerġenza

Kemm ikun hemm dgħajjes ta’ TM iduru ma’ Malta?

Kelliem għal Transport Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Awtorità għandha erbgħa RHIBS li fuqhom ikun hemm mill-inqas żewġ uffiċjali.  Ir-RHIBS ikunu madwar il-bajjiet u l-portijiet prinċipali ta’ Malta, Għawdex u Kemmuna.  L-Awtorita għandha wkoll RHIB ieħor li dejjem ikun stazzjonat Kemmuna.

It-taqsima marittima ta’ Transport Malta pparteċipat fil-kampanja, ‘Fuq il-baħar, kun prudenti’ fejn qassmu merkanzija abbinata mal-kampanja lis-sidien ta’ dgħajjes sabiex iħeġġuhom ikunu prudenti.  Fakkruhom biex ma jixorbux jekk se jsuqu, biex iżommu mal-limitu tal-veloċità, biex isuqu bil-galbu, ikunu moħħhom hemm u ma jarmu xejn fil-baħar.

Sal-aħħar ta’ Lulju, l-uffiċjali ta’ Transport Malta wettqu mas-600 spezzjoni, ħarġu iktar minn 140 multa u iktar minn 130 twissija. F’Kemmuna biss, biswit il-Blue Lagoon, spezzjonaw ‘il fuq minn 1,171 biċċa tal-baħar kummerċjali biex jaraw li għandhom l-ekwipaġġ kwalifikat u li mhux qegħdin iġorru passiġġiera żejda.

Filmat: Miguela Xuereb