Filmat: ​Għadna f’kuntatt maċ-ċittadini Maltin li qed jgħaddu l-informazzjoni –Giegold

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Sven Giegold qal li d-delegazzjoni PANA/LIBE li ġiet Malta tinvestiga s-sitwazzjoni kurrenti, għadha f’kuntatt maċ-ċittadini li qed javviċinawha b’aktar informazzjoni.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt Giegold qal li l-informazzjoni li tintbagħat lid-delegazzjoni PANA/LIBE, se tiġi pproċessata b’mod kunfidenzjali u professjonali. Semma kif irċieva numru ta’ imejls mill-Maltin biex jirringrazzjawh ta’ xogħlu. Madanakollu stqarr li rċieva wkoll kritika li fi kliemu hi normali f’demokrazija.
Il-MPE li jagħmel parti mill-grupp tal-ħodor qal li l-MEPs ma jgħirux għas-suċċess li pajjiż ikun qed jikseb. Qal li jsir ħafna negozju leġittimu f’Malta fl-oqsma tal-igaming u tas-servizzi finanzjarji.
Madanakollu, qal li jeżistu regoli Ewropej dwar il-kriminalità finanzjarja. Spjega kif hemm rata baxxa ħafna fl-ammont ta’ investigazzjonijiet li jsiru dwar din il-kriminalitá u l-korruzzjoni f’Malta. Qal li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tippermetti d-deterjorazzjoni tar-rispett lejn il-liġijiet.
Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-ħasil tal-flus, Giegold qal li d-delegazzjoni rat rapporti li ġew leaked mill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) li ma wasslux għal investigazzjonijiet mill-Pulizija. Qal li tkellmu mal-Pulizija tat-taqsima tal-kriminalità ekonomika u sabu li wieħed biss għandu kwalifiċi relatati mal-ekonomija u l-kummerċ. Saħaq li meta jkun hemm indikazzjonijiet serji ta’ kriminalità, il-Pulizija ta’ Malta għandha tinvestigahom minnufih. Qal li jekk jinstabu punti problematiċi, irid ikun hemm ukoll prosekuzzjonijiet.
Minkejja dak kollu li ġie żvelat, Giegold qal li ma kien hemm l-ebda konsegwenzi għal min għamel il-ħażin. Semma kif b’mod partikolari, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff  tal-Prim Ministru Keith Schembri għadhom jagħmlu parti mill-Gvern. Fakkar kif ir-rapport imħejji jsejjaħ għal tibdil fil-kompożizzjoni tal-Gvern.
Mistoqsi dwar jekk jaħsibx li l-persuni u l-kumpaniji oħrajn involuti fil-ħasil tal-flus qattx isibu kappell jiġihom, Giegold qal li wieħed ma jistax jasal għall-konklużjonijiet wara investigazzjoni daqstant qasira. Ilmenta li kien hemm ħafna allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni iżda bi kważi l-ebda prosekuzzjonijiet.